•  

  • L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

     


  • Il-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

    30 ta’ Novembru 2018

    Illum hi ġurnata speċjali fl‑istorja tal‑Kulleġġ Malti tal‑Arti, ix‑Xjenza u t‑Teknoloġija (l‑MCAST) bl‑ewwel quddiesa tal‑gradwazzjoni fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann. Nifraħ magħkom ilkoll f’din l‑okkażjoni speċjali; magħkom studenti, mal‑għalliema, mal‑amministrazzjoni tal‑MCAST, ma’ dawk li ħadmu bis‑sħiħ matul is‑snin ta’ studju tagħkom biex jagħtukom l‑aħjar edukazzjoni u ttemmu b’suċċess l‑istudji tagħkom.

    Żgur li lkoll tħossu l‑gratitudni u, fl‑istess waqt, is‑sodisfazzjon li qed taslu fit‑tmiem tal‑istudju fil‑qasam tagħkom. Diffikultajiet kellkom tul din il‑mixja, imma llum intom għelibtuhom u b’suċċess wasaltu s’hawn. F’din il‑Quddiesa nirringrazzjaw fuq kollox lil Alla, li minnu jiġina kull ġid, tal‑għajnuna tiegħu. Kif jgħid San Pawl (Kol 3:16), lilu nkantaw innu ta’ radd il‑ħajr. Nagħmlu dan illum fil‑festa ta’ Sant’Andrija li kien wieħed mill‑ewwel li sar dixxipli ta’ Ġesù u li ħa n‑nies għand Ġesù biex fih isibu dak li tassew jagħti lil kull bniedem l‑aqwa ġid.

    Intom issa tħarsu ’l quddiem lejn karriera u lejn xogħol f’setturi differenti li jkunu marbuta mal‑istudji li għamiltu. Nixtieqkom tieqfu għal mument u tirriflettu fuq dak li hemm quddiemkom biex tidħlu għalih bl‑ikbar impenn. Ħa nqiegħed quddiemkom dawn it‑tliet punti għar‑riflessjoni tagħkom, u nagħmilhom ukoll talbiet għalikom.


    Valuri li ma jinxtrawx bil‑flus

    Nitlob lill‑Mulej li jagħtikom il‑qawwa biex tgħixu l‑valuri li jgħallimna Ġesù Kristu u li huma valuri li jibnu l‑ħajja, bħalma huma l‑valuri tal‑onestà, il‑verità, il‑ġustizzja, is‑servizz, l‑imħabba, il‑ħbiberija, il‑ġenerożità. Dawn ma jinxtrawx bil‑flus imma jiswew ħafna aktar mill‑flus.

    Waqt li timxu ’l quddiem fil‑karriera tagħkom, kif għandkom tirsistu li tagħmlu, f’mument jew ieħor ser tiffaċċjaw deċiżjonijiet kruċjali li tridu tagħmlu. Ftakru li l‑flus huma qaddejja tajbin imma sidien ħżiena. Għalhekk tħallux il‑kilba għall‑flus tmexxikom fl‑għażliet tagħkom.

    Tafu li l‑kultura tar‑regħba hi mifruxa. Ir‑regħba faċli tieħu lill‑bniedem f’direzzjoni żbaljata u jibda jara kif se jieħu wkoll dak li mhux tiegħu. Parti sew mis‑serq fis‑soċjetà llum ma jsirx minn min tarah jew taqbdu jisraq, imma minn taħt fejn ma jidhirx. Trid tkun konvint mill‑valuri tiegħek biex ma taqbadx triq żbaljata. Ftakru: ħaġa ma ssirx ħażina fil‑mument li jaqbduk tagħmilha, imma hi ħażina wkoll meta tidħak b’ħaddieħor qisek m’għamilthiex.


    Kuxjenza li tagħżel it‑tajjeb

    L‑istudji tagħkom fis‑snin li għaddejtu l‑MCAST għenukom biex ikollkom għarfien, ħiliet u kompetenza f’oqsma differenti. Dan hu tassew importanti. Imma hemm xi ħaġa li tgħodd għal kull qasam u li għandha turikom kif għandkom tħaddmu l‑għarfien, il‑ħiliet u l‑kompetenza. Din hi l‑kuxjenza li l‑Mulej qiegħed fina, kull wieħed u waħda minna, u li hi s‑santwarju fejn aħna ninsabu waħedna quddiem Alla biex nistgħu nisimgħu l‑vuċi tiegħu u niddeċiedu b’responsabbiltà.

    Itolbu, għalhekk, lill‑Mulej biex ikollkom kuxjenza li kapaċi tagħżel it‑tajjeb mill‑ħażin, dak li hu veru minn dak li hu falz, dak li hu xieraq minn dak li hu tal‑mistħija, dak li jibni lil ħajjitkom minn dak li jħottha, dak li jgħinek fil‑mixja tal‑ħajja minn dak li jdaħħlek fi sqaq.


    Soċjetà ġusta

    Nixtieq ninkoraġġikom biex tinteressaw ruħkom u tkunu attivi mhux biss fil‑qasam partikolari tal‑karriera tagħkom imma wkoll fis‑soċjetà Maltija, u biex taħdmu għal soċjetà ġusta li tirrispetta l‑ħajja u d‑dinjità ta’ kull bniedem. Kunu protagonisti f’dan. Tibżgħux tagħtu sehemkom b’mod responsabbli f’soċjetà li għandha bżonn nies ta’ stoffa. Tħallux lil min jiskuraġġikom, jaqtgħalkom qalbkom u jgħidilkom li għalxejn toħolmu fil‑ħajja. Kunu intom li tħabirku biex twettqu l‑bidliet li tixtiequ taraw għal soċjetà aktar ġusta.

    Il‑Knisja tagħtikom l‑appoġġ kollu biex taqdu r‑responsabbiltajiet tagħkom kif jixraq u b’mod sħiħ. Nitolbu wkoll biex l‑MCAST ikompli jaqdi l‑funzjoni tiegħu li jipprovdi edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali u professjonali li jintlaħqu minn kulħadd b’dimensjoni internazzjonali u li jaqdu l‑bżonnijiet tal‑individwu, tas‑soċjetà u tal‑ekonomija.

    ✠ Joseph Galea-Curmi
        Isqof Awżiljarju

     

  •  

  • Ritratti: knisja.mt/ritratti