• L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

     


  • Il-Knisja Parrokkjali, l-Ibraġ

    8 ta’ Diċembru 2018

    Il-fidi tagħna f’Alla hi mibnija qabel xejn fuq dak li hu sabiħ, u l-festa tal-Kunċizzjoni li qed niċċelebraw illum hi l-festa tas-sbuħija. Fl-Immakulata Kunċizzjoni aħna naraw il-ġmiel, dak li hu tassew sabiħ u jsebbaħ. Alla għamel ma’ Marija xi ħaġa speċjali ħafna u ħelisha mid-dnub sa mill-ewwel mument ħajjitha. Għamilha ħielsa minn dak li l-aktar ikerrah, għamilha sabiħa mill-bidunett. Nixtieq li nirriflettu fuq dawn it-tliet punti f’din il-festa għażiża tal-Immakulata Kunċizzjoni.


    Grazzi lil Alla għal dan il-ġmiel

    Il-festa tal-lum hi l-ewwelnett okkażjoni ta’ tifħir u ringrazzjament lil Alla li tana lil Marija, “mimlija bil-grazzja” kif sejħilha l-anġlu Gabriel, sabiħa, kollha ġmiel. Meta nħarsu lejha, aħna naraw it-tifsira tal-ġmiel, x’jiġifieri s-sabiħ quddiem Alla: mingħajr dnub. Marija hekk bdiet ħajjitha, imma hekk għexitha wkoll.

    Għalhekk nużaw il-kliem tagħha “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej” meta nħarsu lejha, u lil Alla ngħidulu: aħna grati lejk. Grazzi talli tajtna lil Marija bħala eżempju daqshekk uniku ta’ ġmiel u sbuħija, li turina l-idejal ta’ dak li nixxennqu għalih f’ħajjitna.

    Infaħħruh għal dan, u bit-tifħir tagħna lil Alla u lil Marija nixtiequ npattu għal min bi kliemu jkasbar u joffendi lil Alla u lil Marija, u hekk jagħżel il-kruha flok il-ġmiel, dak li jtebba’ flok dak li hu bla tebgħa, dak li jnissel is-saħta flok il-barka.


    Għażiża sa mit-tnissil

    Flimkien ma’ dan it-tifħir u ringrazzjament lil Alla, il-festa tal-lum tfakkarna ħaġa importanti li għandha messaġġ qawwi fi żmienna. Insibuha fil-kelma ‘Kunċizzjoni’.

    ‘Immakulata Kunċiżżjoni’ tfisser li Marija mnissla mingħajr dnub, mhux biss imwielda mingħajr dnub. Għalhekk, meta niċċelebraw dil-festa, qed nagħmlu fl-istess waqt stqarrija importanti: li l-ħajja tibda mat-tnissil mhux mat-twelid. Aħna ma niċċelebrawx il-festa ta’ ftit ċelloli li kienu mingħajr dnub, imma ta’ Marija li kienet mingħajr dnub sa mill-bidu nett.

    Hemm dan il-messaġġ: il-ħajja sabiħa u għażiża mill-ewwel mument, mit-tnissil, ukoll meta ma tidhirx. Il-ħajja ma tibdiex tkun għażiża mill-għada filgħodu tat-tnissil jew minn xi ftit ġranet wara. Jekk hemm xbieha li għandha tkun ta’ għajnuna għalina biex nipproteġu u niddefendu l-ħajja minn dan l-ewwel mument tat-tnissil, mhux f’xi ħin wara, din hi x-xbieha tal-Kunċizzjoni.


    Kuraġġ biex negħlbu l-ħażen

    Il-festa tal-lum tagħmlilna ħafna kuraġġ. Aħna lkoll midinbin u ngħixu f’dinja fejn, mal-ħafna tajjeb, niltaqgħu wkoll sikwit mal-ħażen li ġieli jirkibna: il-mibegħda, l-għira, l-egoiżmu, l-insulti, dak li jkerrah il-ħajja. Kultant, waqt li nfittxu s-sabiħ, inħaddnu l-kruha, anke għax inkunu mqarrqin bħalma ġralhom Adam u Eva fl-istorja li smajna mill-Ktieb tal-Ġenesi – il-ġrajja li tfakkarna li x-xitan l-iktar li jaħdem hu billi jinganna.  

    Naraw dan il-kuntrast bejn l-istorja tal-Ġenesi u l-istorja tat-Tħabbira tal-Mulej. Meta l-anġlu Gabriel iwassal il-messaġġ ta’ Alla lil Marija, hi tgħidlu: “…ħa jsir minni skont kelmtek”. Fil-Ġenesi, lil Alla qalulu bil-fatti eżatt il-kontra: ma jsirx minna skont kelmtek.

    Aħna differenti ħafna minn Marija Immakulata, li l-ħażen ma qarraqx biha. Imma Marija m’hijiex ’il bogħod minna. Hi dik l-Omm li tana Alla biex tkun viċin tagħna, issostnina fil-ħajja tagħna u tgħinna biex qatt ma naqtgħu qalbna.

    Tfakkarna li m’hemm xejn sabiħ f’dak li joffendi lil Alla, anke jekk għall-bidu jidher jiġbdek. Imma tgħinna wkoll biex nagħrfu l-ħniena tiegħu u nqumu għal ħajja ġdida, biex Alla dejjem jippurifikana fil-mixja tagħna, ħalli nibqgħu mexjin b’kuraġġ. U tgħinna biex aħna wkoll inkunu strumenti tas-sbuħija ta’ Alla. Għandna lil Marija bħala eżempju, imma wkoll lil Marija bħala Omm li tinkoraġġina.

    Nitolbu llum li l-Immakulata Kunċizzjoni, il-ġmiel tas-sema li sebbaħ il-ħajja u lill-ħlejjaq, biex timla qalbna bil-ġmiel u s-sabiħ, tgħinna ngħożżuh, u tagħtina l-qawwa biex dejjem inqumu mill-kruha tal-ħażen għal ħajja ġdida, ħalli jkollna l-paċi u l-ferħ ta’ Alla.

    ✠ Joseph Galea-Curmi
        Isqof Awżiljarju