•  

  • L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

     


  • Il-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

    15 ta’ Diċembru 2018

    Fil-bidu tax-xahar kelli mmur l-Albanija fuq xogħol. L-isqfijiet ta’ hemmhekk stednuni biex inkellem lis-saċerdoti u lis-seminaristi tal-post. Kif kont l-Albanija, flimkien mal-Arċisqof ta’ Tirana-Durres Mons. George Frendo, Duminkan u Malti bħalna, għamilna vjaġġ twil ta’ tliet sigħat ’il hemm u tliet sigħat ’il hawn biex immorru f’belt jisimha Korca fejn hemm tal-MUSEUM.

    F’din il-belt fejn is-soċjetà tal-MUSEUM għamlu kulleġġ li qed jagħmel ħafna ġid liż-żgħażagħ tal-post, għamlu mużew ta’ ikoni antiki. Qabel is-seklu 20, jiġifieri qabel mal-Albanija sar l-ewwel pajjiż uffiċjalment ateu tad-dinja, kien pajjiż reliġjuż ħafna ta’ tradizzjoni Orjentali. F’dan il-mużew ta’ ħafna ikoni sbieħ kien hemm diversi ikoni ta’ San Ġwann il-Battista. Ħaġa li laqtitni hija li fl-ikoni li rajt fl-Albanija—xi ħaġa li qatt ma kont innutajt qabel—San Ġwann il-Battista huwa mpinġi bil-ġwienaħ bħalma hu San Mikiel jew San Gabrijel. Lill-gwida esperta li kien  hemm fil-mużew għedtilha: ‘X’inhi din l-idea?’ Qaltli: ‘Għax fl-Orjent, l-iżjed fit-tradizzjoni Ortodossa, San Ġwann il-Battista huwa l-ħabbar tal-miġja ta’ Ġesù. Huwa bħall-anġlu tat-Testment il-Ġdid u għalhekk ipinġuh bil-ġwienaħ’.

    L-Aħbar it-Tajba ta’ Ġwanni, dan l-anġlu tal-Patt il-Ġdid, hija konkreta ħafna.

    Fil-fatt l-Evanġelju li għadna kemm smajna u li qralna Mons. Charles Attard, lejn l-aħħar jgħid din in-nota: “B’ħafna twissijiet oħra Ġwann il-Battista kien ixandar lill-poplu l-Bxara t-Tajba” (Lq 3:18). Nistgħu ngħidu li dan il-profeta li Ġesù jsejjaħlu l-ikbar wieħed li twieled minn mara, huwa evanġelista: wieħed li jwassal l-aħbar it-tajba, il-bxara t-tajba, l-evaġelju, lill-komunità. L-Aħbar it-Tajba ta’ Ġwanni, dan l-anġlu tal-Patt il-Ġdid, hija konkreta ħafna. L-indiema li hu ħabbar u jgħid: “Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma, imma ġej wieħed aqwa minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar” (Lq 3:16) twassal lil min jersaq lejh biex jistaqsi mistoqsija konkreta ħafna: “Mgħallem x’għandna nagħmlu aħna?” (Lq 3:12).

    Mela għalkemm qed ikellem lill-qalb ta’ dak li jkun, u kulħadd qed jgħidlu x’għandna nagħmlu, wieħed jifhem li mill-qalb irridu nwasslu lil ħajjitna għal deċizjonijiet konkreti, bħalma pereżempju tgħix l-imħabba fil-familja. Inti tibda il-ħajja miżżewġa b’dik il-kelma ċkejkna ‘iva, irrid’. Is-saċerdot jistaqsik: ‘Trid tieħu lis-sieħba ta’ mħabbtek bħala martek?’. ‘Iva, irrid’. Lilha jgħidilha: ‘Trid tieħu s-sieħeb ta’ mħabbtek bħala żewġek?’ ‘Iva, irrid’. Imma dik il-kelma li ħierġa mill-qalb mimlija entużjażmu, mimlija ħolm, mimlija tama, mimlija ferħ, trid tissarraf matul il-ħajja. Dik il-kelma ta’ mħabba kuljum trid tkun ħajja konkreta, imħabba li wieħed jgħixha.

    Meta lil Ġwanni jgħidulu: “X’għandna nagħmlu?” hu jitkellem fuq li taqsam ħajtek. Ejjew nifhmu ftit il-kliem ta’ Ġwanni li qed jagħti l-Bxara t-Tajba u jippreparana biex nilqgħu lil Ġesù. “Min għandu żewġ ilbiesi, jaqsam ma’ min ma għandu xejn, u min għandu x’jiekol jagħmel l-istess” (Lq 3:11). Dawn il-kliem li jitkellmu dwar l-ilbies jitkellmu dwar l-ikel, u huma ħafna konkreti fil-familja.

    Ħa nibdew mill-familja. Aħna, meta nkunu ċkejknin niddependu totalment mill-ġenituri tagħna. L-ikel u l-ilbies minn fejn neħduhom? Mhux mill-qalb ħanina mimlija mħabba ta’ min ġabna fid-dinja jew min qed jieħu ħsiebna?!  U b’xi mod fil-familja din il-kelma ta’ Ġwanni ssib l-ewwel twettiq konkret tagħha. Huwa fil-familja li wieħed jagħmel esperjenza tal-imħabba konkreta li tlibbsu u titimgħu. Imma din l-imħabba trid tinfirex fis-soċjetà kollha u l-familja Nisranija tikber fl-imħabba meta tiftaħ il-bieb ta’ qalbha għal tant nies li għandhom bżonn.

    Bħalissa qed niftakar fil-barka sabiħa li l-Knisja titlob fuq il-miżżewġin fl-aħħar tal-liturġija tat-tieġ meta tfakkarhom li huma għad jissieħbu fil-ġenna mal-fqar li jkunu għenu matul ħajjithom. Il-barka li l-familja li tibda mit-tieġ u tkompli fiż-żwieġ, tkun ukoll miftuha f’dak li taqsam, dak li jaqsmu mhux biss mal-ulied u mal-membri tal-familja imma wkoll mal-ġirien, man-nies tat-triq u tar-raħal tagħna, mas-soċjetà. “Min għandu żewġ ilbiesi, jaqsam ma’ min ma għandu xejn, u min għandu x’jiekol, jagħmel l-istess”.

    L-Evanġelju tal-lum ta’ San Luqa, li huwa evanġelju konkret, radikali u esiġenti, jagħtina wkoll id-dettall dwar il-laqgħa ta’ żewġ kategoriji oħra ta’ nies ma’ Ġwann il-Battista: il-Pubblikani (dawk li kienu jiġbru t-taxxa u għalhekk kienu mibgħudin minn kulħadd) u s-suldati li għandhom il-poter. Lill-pubblikani Ġwanni l-Battista jgħidilhom: “Tissikkaw lil ħadd biex jagħtikom taxxi iżjed milli jmisskom tieħdu” (Lq 3:13). Il-ġustizzija hija r-risposta sempliċi għad-domanda: “X’għandna nagħmlu”. Fi kliem ieħor qed jgħidilhom: ‘imxu ma’ kulħadd bil-ġustizzja. Itolbu daqskemm wieħed għandu jagħti’ għaliex sfortunatament fi żmienu u mhux fi żmienu biss, min kien jiġbor it-taxxi u jkun ukoll bis-suldati miegħu, kien japprofitta ruħhu biex jieħu iżjed mid-dovut.

    Is-suldati li għandom l-awtorità mhux biss ċivili imma anke militari, meta jgħidulu “u aħna, x’għandna nagħmlu?” Ġesù jgħidilhom: “Tisirqu lil ħadd bit-tehdid jew bil-qerq tagħkom, u kkuntentaw ruħkom bil-paga li għandkom” (Lq 3:14). Dan il-kliem għadu attwali. San Ġwann il-Battista, l-evanġelista u l-anġlu tal-Patt il-Ġdid li qed iħejji t-triq għal Ġesù, qed jgħidilna: ‘Il-paċi ta’ qalbek issibha jekk inti kuntent b’dak li għandek u ma ssirx skjav tar-rebgħa’. Kemm hi ħaġa sabiħa li kulħadd, mill-kbir saż-żgħir, jikkuntenta bil-paga li jkollu, bil-patt li min għandu paga ċkejkna tista’ sservih għall-ħajja. Naf diversi familji li qed ikollhom diffikultà biex iwasslu għall-aħħar tax-xahar għax għandhom paga ċkejkna.

    …jkollna barka ikbar jekk il-ġid jitqassam bil-ġustizzja u naħsbu wkoll f’min hu xi ftit batut.

    L-appell tiegħi lis-soċjetà huwa li naħsbu li huwa tajjeb li kulħadd għandu jgawdi mill-ġid għax il-ġid huwa barka imma jkollna barka ikbar jekk il-ġid jitqassam bil-ġustizzja u naħsbu wkoll f’min hu xi ftit batut. Kemm tkun ħaġa sabiħa, u jiena naf ħafna familji li jgħinu lil xulxin fil-bżonn. Waħda mill-barkiet li għandna fis-soċjetà tagħna hi li meta bniedem ikun f’diffikultà għadu jsib il-wens fil-qraba. Kultant tisma’ xi stejjer li jweġġgħuni xi ftit għax donnha din il-ħaġa qiegħda tonqos. Imma nixtieq nagħti parir wieħed: jekk taf li hemm xi ħadd li jiġi minnek u jinsab fil-bżonn, la tagħlaq il-bieb ta’ qalbek u lanqas butek għalih. Faċli tgħidha imma mhux faċli tgħixha. Tgħiduli: ‘Sinjur, faċli tgħidha minn fuq l-ambone imma diffiċli biex tgħixha’. U aħna rridu nagħmlu ħilitna biex is-solidarjetà ta’ bejnietna tkun tassew u kontinwament konkreta.

    L-aħħar kelma nissellifha mill-Appostlu Missierna San Pawl: “Il-ħlewwa tagħkom, ħa jkunu jafuha l-bnedmin kollha” (Fil 4:5). Ħa ngħidilkom storja ċkejkna. M’ilux, fil-bidu ta’ Diċembru, għammidt żewġ adulti minn pajjiż ’il bogħod. Għeditilhom: ‘Intom kif iltqajtu ma’ Ġesù f’soċjetà fejn Ġesù mhuwiex daqshekk magħruf?’ Qaluli: ‘Sirna nafu grupp ċkejken ta’ Nsara u laqtitna l-ħlewwa u t-tjubija tal-ħajja tagħhom’. Permezz ta’ dan il-kuntatt sempliċi ta’ kuljum ma’ dawn il-familji Nsara, resqu lejn Ġesù. Imbagħad fil-post fejn kienu, il-pulizija ppruvaw jersqu lejn dawn l-Insara u arrestawhom. L-adulti li għammidt kellhom jaħarbu u meta ġew f’ambjent ta’ libertà vera talbu li jitgħammdu. Imma ltaqgħu ma’ Ġesù bil-ħlewwa u bix-xhieda tajba tagħna l-Insara. Ara x’responsabbiltà għandna!

    Aħna llum qed niċċelebraw lil Ġwanni bħala xandar tal-Bxara t-Tajba; il-Bxara t-Tajba aħna nwassluha b’dak li qed jgħidilna l-Appostlu Missierna: “Il-ħlewwa tagħkom, ħa jkunu jafuha l-bnedmin kollha. Il-Mulej qorob”.Tgħiduli: ‘Imma aħna ma tgħaddhix ġurnata li ma jkollniex xi ngħidu!’ Tinkwetawx. Għax bħalma jgħid il-Papa Franġisku: l-importanti li meta nwerżqu xi twerżiqa, wara nagħmlu paċi. Il-Papa jgħidilna: ‘Ma jimpurtax tgergru għal xulxin, u kultant anke jekk ġieli ttir xi tazza, basta ma tolqtux lil xulxin, ma jimpurtax, imma għamlu paċi, għamlu paċi’. Il-ħlewwa mhijiex irħisa; il-ħlewwa mhijiex li ċċedi għal kollox. Il-ħlewwa hija li tgħid ‘jekk jogħġbok’, li tgħid ‘grazzi’ u li tgħid ‘aħfirli’ u hekk il-bnedmin kollha jifhmu li l-Mulej qorob tassew.

    ✠ Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta

     

  •  

  • Ritratti: knisja.mt/ritratti