• ****

    Diretturi:         Bob Persichetti, Peter Ramsey u Rodney Rothman

    Ilħna:               Shameik Moore, Hailee Steinfeld, Mahershala Ali,  Jake Johnson, Liev Schreiber, Brian Tyree Henry, Luna Lauren Velez u Lily Tomlin

    Ħin tal-Film:    117 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 U

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      PG

    Miles Morales hu żagħżugħ ta’ dixxendenza mħallta, waħda ta’ Afrikan-Amerikan u l-oħra Puerto Rican. Missieru, Jefferson Davis, hu uffiċjal tal-pulizija waqt li ommu, Rio Morales hi infermiera fi sptar. L-avventura għal Miles tibda meta ngidem minn araknid radioattiva. Minn dik il-gidma, Miles ħa l-abbiltà karatteristika  minnha. Għall-ewwel ma ntebaħx b’dak li kien ġralu għalkemm inkwieta kull darba li meta jmiss b’idejh kien jeħel magħhom. Inkwieta iktar meta miss ix-xagħar ta’ Gwen Stacy, tfajla li kien jammira u xtaq ħafna li tkun il-maħbuba tiegħu. Biex qala’ idejh minn xagħra, tant ġebbed, li qala’ troffa xagħar minn rasha. Miles sab konsulent biex jgħinu jifhem x’qiegħed jiġri. Sfortunatament dan ma tantx kien ta’ min jafdah. Dan kien Wilson Fisk, kriminal li kien ħalaq is-Super Collider, portal parallela universali li minnha ħalaq ħames varjanti ta’  Spider-Man fosthom: Peter B. Parker bħala Spider-Man, Peter Porker bhala Spider-Ham,  Peni Parker bħala SP//dr u Spider-Man Noir.

    Miles eventwalment jibda jaħdem magħhom kollha iżda l-iktar wieħed li sabu ta’ għajnuna kien Peter B. Parker li għall-ewwel ma tantx deher ħerqan li jgħin iżda wara ftit zmien beda juri iktar interess biex jgħin biex Miles jitghallem is-sengħa ta’ Spider-Man. Miles sadanittant żamm kuntatt ma’ missieru u ommu. Kien ukoll b’kuntatt ma’ żijuh Aaron li ma kienx bniedem ta’ responsabbiltà u li tafdah. Sfortunatament  kien xi ftit jew wisq ħaxixu. Bl-imġieba tiegħu ta’ bniedem ta’ rasu iebsa, ħuh Jefferson qata’ kull kuntatt minn miegħu. Sadanittant, Miles bl-għajnuna ta’ Peter B. jitgħallem jikkontrolla l-potenzjal ta’ qawwa li kellu u jużah għal ġid. Speċifikament, dan irriżulta li Miles kellu jiġi wiċċ imb’wiċċ ma’ Wilson Fish li biex joffri oppożizzjoni, daħħal il-qarnita, Doc Ock. Sadanittant Peter B. li kien kisirha minn ma’ Mary Jane  għax xtaqet li jkollha tfal iżda hu ma riedx, Miles għenu biex  jibdel l-attitudni tiegħu ta’ bniedem egoist u jkun iktar pożittiv fil-ħajja.  X’jiġri minn hawn?

    Film Amerikan, animat komputerizzat, taħt id-direzzjoni ta’ Bob Persichetti, Peter Ramsey u Rodney Rothman, kitba ta’ Phil Lord u Rothman. Minħabba vjolenza għalkemm mhux imdemmija, kif ukoll xi kliem goff, tajjeb li tfal żgħar ikunu akkumpanjati minn xi adult.