• L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

     


  • Il-Knisja Parrokkjali, il-Balluta

    5 ta’ Jannar 2019

    Santu Wistin għandu talba sabiħa li f’parti minnha tgħid lil Alla: “Agħmel li nsibuk, għax qabel ma nsibuk ma nistriħux”. Dit-talba tfakkarni ħafna fil-maġi li ġew mil-Lvant ifittxu t-tarbija li twieldet u baqgħu jistaqsu u jfittxu sakemm sabu lil Ġesù.

    Illum li qed niċċelebraw il-bidu tal-ħidma pastorali ta’ Patri Renald bħala kappillan ta’ din il-parroċċa, u mal-Knisja fid-dinja kollha niċċelebraw l-Epifanija tal-Mulej, nixtieq li nitfgħu ħarsitna fuq din il-ġrajja tal-Epifanija u naraw x’għajnuna tagħtina għal ħajjitna.


    Il-maġi

    L-ewwel nett, x’juruna l-maġi? Il-maġi li ġew mil-Lvant biex iqimu lil Ġesù juruna li Ġesù ġie għal kulħadd, li hu s-salvatur ta’ kulħadd. Mhuwiex ta’ xi nazzjon jew poplu wieħed, imma ta’ kulħadd. Lill-maġi nifhmuhom tajjeb ħafna jekk narawhom f’kuntrast ma’ Erodi. Meta nħarsu lejhom u lejn Erodi, tiġi f’moħħna dik is-silta mill-Evanġelju ta’ San Ġwann li qrajna fil-Milied: “Ġie f’daru u niesu ma laqgħuhx. Imma lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla”.

    Preċiż hekk. Niesu ma laqgħuhx. Erodi kien wieħed minn niesu. Mhux biss ma laqgħux imma ried li jeliminah, joqtlu. Għamel minn kollox biex itemmlu ħajtu. Il-maġi l-kontra. Jekk “ġie f’daru u niesu ma laqgħuhx”, huma telqu minn darhom biex ifittxuh u jqimuh. F’ħajjithom fittxew dak li seta’ jimlielhom ’il qalbhom. Staqsew, għamlu minn kollox biex jaslu ħdejh.

    Dan il-kuntrast ta’ Erodi mal-maġi hu dejjem preżenti fl-istorja tal-bniedem. Aħna għandna dejjem din l-għażla f’ħajjitna: jew ħajja li tfittex u tinkludi lil Ġesù, jew ħajja li teliminah jew tinjorah.

    Patri Renald, bħala ragħaj ta’ din il-parroċċa int għandek il-missjoni biex lil nies tgħinhom bħall-maġi jfittxu lil Ġesù, ikollhom l-għatx għalih u jilqgħuh f’ħajjithom. Kif jgħid il-Papa Franġisku fl-eżortazzjoni appostolika Evangelii Gaudium, par. 3: l-iktar importanti fil-ħidma pastorali tagħna hu li nlaqggħu lin-nies ma’ Ġesù, jew li ngħinu lin-nies iħalluh jiltaqa’ magħhom. Il-ħidma kollha li ssir fil-parroċċa għandha tkun indirizzata lejn dan. Aħdem għalhekk, f’għaqda sħiħa mal-patrijiet sħabek u ma’ tant kollaboraturi f’din il-parroċċa, biex tgħinu lin-nies jiltaqgħu ma’ Ġesù.


    Ir-rigali

    Ħa nħarsu issa lejn dak li għamlu l-maġi meta waslu ħdejn Ġesù. Offrewlu rigali: deheb, inċens u mirra. Huma espressjoni tal-għerf u tal-qalb tagħhom, u rigali b’tifsira kbira għall-ħajja u l-missjoni ta’ Ġesù. Kull rigal minnhom jgħid xi ħaġa importanti fuq min hu Ġesù.

    Patri Renald, int u tidħol għal din il-missjoni ġdida, se tiltaqa’ ma’ diversi rigali li n-nies joffru  lil Ġesù. Għin lin-nies biex joffru lill-Mulej rigali b’tifsira. Imma fuq kollox għinhom biex joffru qalbhom u ħajjithom lilu. Għin lin-nies biex ma jiqfux fuq it-tiżjin, fuq l-oġġetti fihom infushom, imma dawn ikunu espressjoni tassew ta’ qalb li tagħti qima lil Ġesù.

    Waħda mill-isfidi kbar fil-komunitajiet tagħna hi li ma nħallux l-oġġetti sbieħ fihom infushom, ġieli oġġetti reliġjużi, isiru mezz ta’ aljenazzjoni minn Ġesù jew ostaklu biex jiltaqgħu miegħu minflok mezz kif naslu għandu.


    Marija fl-Epifanija

    Inħarsu issa lejn Marija għax hi wkoll għandha sehem importanti f’din il-ġrajja. Marija hija dik li turi lil Ġesù lill-maġi. Turihom il-frott tal-ġuf tagħha li kienet ilha tgħożż mill-mument tat-tnissil, għax dak kien l-ewwel mument tal-ħajja ta’ Ġesù, il-mument meta Alla sar bniedem. Marija hi dik li turina lil Ġesù, li twassalna għand Ġesù, li tħabbibna miegħu, li tgħinna nifhmuh u nagħmlu dak li jgħidilna Hu.

    Hi dik li tgħinna ngħixu fl-għożża ta’ xulxin, inkunu qalb waħda u ruħ waħda flimkien. Hi u turina lil Ġesù, Marija tfakkarna f’dak li hu stess qal: “dak kollu li tagħmlu mal-iżgħar fost dawn ħuti, tkunu qed tagħmluh miegħi”. Għalhekk Marija tħeġġiġna nieqfu ma’ min għaddej minn tbatija fil-komunità, bħal min qed jgħix fis-solitudni jew min għaddej minn diffikultajiet familjari. Tgħinna jkollna qalbna miftuħa wkoll għal dawk li qed ibatu lil hinn mil-lokalità, per eżempju dawk li bħalissa qegħdin bejn sema u ilma jistennew l-għajnuna biex ikunu jistgħu jsalvaw.

    Patri Renald, itlob lill-Marija, li hi ċentrali fil-vokazzjoni tiegħek fl-Ordni Karmelitan u, fi kliemek stess, “ġmiel u għaxqa tal-Balluta”, biex tkun il-ġmiel u għaxqa tal-ħajja ta’ din il-komunità, u lin-nies tressaqhom lejn Ġesù. Itlobha biex int tkun tixbaħha fil-missjoni tiegħek ta’ kappillan ta’ din il-parroċċa, kif ukoll biex hi tħarsek bħala Omm. Jien ċert li tieħu ħsiebek u tgħinek biex taqdi din il-missjoni bħalha – b’fedeltà kbira u sal-aħħar.


    Talba

    Aħna u niċċelebraw l-Epifanija, u nħarsu lejn ix-xena tal-maġi, tar-rigali u ta’ Marija, nitolbu biex din il-parroċċa tikber fit-tfittxija tal-Mulej, fil-qima lilu, u jkun hu li jimla l-qalb ta’ kull min jiġi hawn. Ma’ Santu Wistin nitolbu: “Agħmel li nsibuk, għax qabel ma nsibux ma nistriħux. Fik biss tinsab l-hena u l-mistrieħ tagħna. Int għamiltna għalik, O Alla, u qalbna ma ssib qatt kwiet jekk ma tistriehx fik.”

    ✠ Joseph Galea-Curmi
        Isqof Awżiljarju