•  

  • L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

     


  • Il-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

    6 ta’ Marzu 2019

    Fil-bidu ta’ dan ir-Randan Imqaddes, il-Mulej jitlobna li t-triq li bdejna llum, bħala xhud ikollha lill-Missier. Hekk issejjaħlu Ġesù għal tliet darbiet. Alla li huwa Missierna u li jara dak li hu fil-moħbi; Alla li kapaċi wkoll irodd, jagħti l-premju. Ħafna drabi l-ħlas tagħna nfittxuh f’din id-dinja; l-ewwel tagħlima li qed jagħtina l-Mulej llum hija li ninfatmu minn din ix-xewqa li l-ħlas tagħna jkun immedjat u ta’ din id-dinja. Imma l-ewwel atteġġjament tagħna jrid ikun ta’ abbandun u fiduċja kbira f’idejn il-Missier li jara fil-moħbi u li jaf irodd meta jkun il-waqt.

    Min hu dan il-Missier li jara fil-moħbi? Huwa dak li kapaċi jiżen il-qalb, li kapaċi jagħti ġudizzju li huwa veru fuq il-karità tagħna, it-talb tagħna u s-sawm tagħna. Fi tmiem dan il-pellegrinaġġ li bdejna llum, aħna se nisimgħu fil-lejl qaddis tal-Għid lill-Appostlu Missierna jistedinna biex ngħixu bir-rażan, bit-tjieba u bil-ġustizzja.

    Is-sawm jgħinna nikbru fir-rażan, it-talb jgħinna nikbru fit-tjieba, il-karità hija r-ruħ tal-ġustizzja.

    Is-sawm jgħinna nikbru fir-rażan, it-talb jgħinna nikbru fit-tjieba, il-karità hija r-ruħ tal-ġustizzja. Għaliex is-sawm jaħdem fuq istint qawwi tagħna: dak li aħna nitrejqu u nieklu  biex nippreservaw lilna nfusna u għalhekk meta bis-sawm nitgħallmu nliġġmu l-istinti qawwija tagħna, nitgħallmu r-rażan. It-talb idaħħalna f’intimità ma’ Alla, li huwa r-ruħ ta’ kull tjieba. Mentri l-karità tħares lejn il-proxxmu tagħna u l-ewwel karità mal-proxxmu tagħna hija propju l-ġustizzja.

    Għalhekk Ġesù jinsisti li dan il-vjaġġ irid jibda fil-qalb tagħna. Mhijiex kwistjoni ta’ dak li jidher minn barra biex il-ħlas jagħtuhulna n-nies meta jaraw il-karità, it-talb tagħna u s-sawm tagħna. Imma aħna ridu naħdmu fuq il-qalb tagħna fejn tinbet il-vera karità u ġustizzja, fejn jinbet il-veru talb u tjieba, fejn jimbet il-vera sawm u r-rażan. Is-sawm jgħinna nikbru fir-rażan, it-talb jgħinna nikbru fit-tjieba, il-karità hija r-ruħ tal-ġustizzja. Għaliex is-sawm jaħdem fuq istint qawwi tagħna: dak li aħna nitrejqu u nieklu  biex nippreservaw lilna nfusna u għalhekk meta bis-sawm nitgħallmu nliġġmu l-istinti qawwija tagħna, nitgħallmu r-rażan. It-talb idaħħalna f’intimità ma’ Alla, li huwa r-ruħ ta’ kull tjieba. Mentri l-karità tħares lejn il-proxxmu tagħna u l-ewwel karità mal-proxxmu tagħna hija propju l-ġustizzja.

    Fid-dawl tal-Ewwel Qari, il-Kelma ta’ Alla tistedinna wkoll biex nagħrfu li għandna bżonn dan l-istaġun li bdejna llum, għandna bżonn iż-żabra li r-ruħ tagħmel fir-Randan u niftakru fil-Kelma ta’ Ġesù: “Kull fergħa fija li ma tagħmilx frott jaqtagħha; u kull waħda li tagħmel il-frott jiżborha u jnaddafha, biex tagħmel frott aktar” (Ġw 15:2). Għalhekk, ejjew b’umiltà kbira u b’fiduċja fl-għajnuna u l-grazzja ta’ Alla, nissottomettu ruħna għal dan iż-żmien ta’ żabra, ta’ meta mill-ħajja tagħna nippruvaw inneħħu xi vizzju li qiegħed jaħkimna, u nippruvaw inħarsu lejn il-proxxmu b’sens ta’ vera ġustizzja u karità, nippruvaw inħarsu lejna nfusna b’sens kbir ta’ dixxiplina li jwassalna għar-rażan u fuq kollox li t-talb tagħna jkun talb ippurifikat għaliex huwa talb fil-kamra tagħna ta’ ġewwa, dak li jinbet, jikber u jiffjorixxi fil-qalb tagħna.

    Mulej, kun int ix-xhud tagħna f’dawn l-erbgħin jum qaddisa

    Mulej, kun int ix-xhud tagħna f’dawn l-erbgħin jum qaddisa u aħna li minn hawn u ftit ieħor se nagħmlu att ta’ umiltà u niftakru fil-bżonn tagħna li nikkonvertu, ħallina nersqu lejk u ngħidulek li għandna bżonnok biex inti tnaddafna ħalli fil-jum qaddis tal-Għid, tal-qawmien tiegħek, aħna niġġeddu billi nġeddu l-Magħmudija tagħna, niġġeddu billi nilqgħu minn għandek il-grazzja u l-ħniena tiegħek.

    ✠ Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta

     

  •  

  • Ritratti: www.knisja.mt.ritratti