• Trail Makers se jorganizzaw mixja ta’ 150 kilometru lejl u nhar b’risq id-Dar tal-Providenza, mis-Sibt 23 sal-Ħadd 24 ta’ Marzu. Il-mixja tibda mill-parkeġġ tad-Dar fis-Siġġiewi fis-7am tas-Sibt u tispiċċa għal ħabta tal-5pm tal-għada l-Ħadd.

    Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, qal li matul is-sena jsiru diversi attivitajiet minn għaqdiet u entitajiet differenti bil-għan li jinġabru flus għad-Dar tas-Siġġiewi u din il-mixja ta’ 150 kilometru hija waħda minnhom. Huwa rringrazzja lil Trail Makers, organizzaturi tal-mixja, u appella biex ikun hemm ħafna li jiddeċiedu li jieħdu sehem anke biss f’partijiet minnha u li jagħmlu d-donazzjoni tagħhom b’risq id-Dar Giovanni Camilleri u Dennis Borg ta’ Trail Makers taw tagħrif siewi dwar ir-rotta, ir-reġistrazzjoni u donazzjonijiet.

    Wieħed jista’ jieħu sehem fil-mixja sħiħa ta’ 150km jew jingħaqad mal-grupp f’wieħed mill-postijiet tat-tluq u jimxi kemm jixtieq. Dawk li jimxu 20km jew iżjed jingħataw midalja ta’ tifkira kulur il-bronż u dawk li jtemmu l-mixja ta’ 150km jingħataw midalja ta’ tifkira kulur il-fidda.

    Ir-reġistrazzjonijiet jagħlqu nhar il-Ħadd, 17 ta’ Marzu 2019. Għal aktar tagħrif wieħed jista’ jidħol fuq il-paġna fuq Facebook: 150Km Around Malta Non-Stop Trekking Challenge