• ***

    Direttur:          Kenneth Branagh

    Atturi:              Kenneth Branagh, Lolita Chakrabarti, Jack Colgrave Hirst, Doug Colling, Eleanor de Rohan, Judi Dench, Phil Dunster, Freya Durkan, Flora Easton u Sam Ellis

    Ħin tal-Film:    101 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                             12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                                  12

    William Shakespeare twieled fis-26 ta’ April 1564 ġewwa Stratford-upon-Avon. Hu magħruf bħala l-akbar dramaturgu u poeta li qatt rat l-Ingilterra. Il-film: All is true, jeħodna fis-sena 1613 meta Shakespeare reġa’ lura lejn Stratford wara li t-teatru famuż: The Globe, fid-29 ta’ Ġunju  safa’ meqrud ghal kollox wara li kanun ma sparax tajjeb u kkawża nirien qawwija li qered it-teatru li fih Shakespeare kien itella’ id-drammi għal eluf ta’ spettaturi. Dan l-inċident qered lil Shakespeare u ma kien baqgħalu xejn ħlief li jirritorna Stratford lejn martu Anne Hathaway li kien iżżewwiġha meta kellu tmintax-il sena. Minn dan iż-żwieġ, Shakespeare kellu tlett itfal: Susanna u t-tewmin Hamnet u Judith.

    Shakespeare ġie lura għand familtu u miet tliet snin wara l-wasla tiegħu. F’dawn it-tliet snin, ġie wiċċ imbwiċċ ma’ numru ta’ problemi fosthom il-mewt ta’ ibnu Hamnet, sbatax-il sena qabel. Il-mewta ta’ Hamnet  baqgħet fuq moħħu għax hu dejjem xtaq li jirtu tifel, barra wkoll li hu ma kienx attenda ghall-funeral tiegħu għaliex kien sar malajr. Kienu qalulu li Hamnet, ta’ ħdax-il sena, kien miet bil-pesta. Shakespeare ukoll kellu jiffaċċja l-akkuża serja li Susanna giet mixlija biha meta ġie allegat li kienet qegħda tqarraq b’żewġha, il-Puritan, Dr. John Hall. Problema oħra li Shakespeare kellu jiffaċċja kienet l-attitudni negattiva li Judith kienet turi lejn il-ħajja. X’kienet ir-raġuni li Judith kienet qegħda ġgib ruħha b’dan il-mod u li kienet għadha ma ħaditx l-istat tagħha? X’kien qiegħed iżommha?  X’kien is-sigriet li kienet qegħda żżomm f’qalbha rigward ħuha, kemm fuq dak li missieru William kien jemmen kitbu hu, kif ukoll kif ġrat il-mewta tiegħu?

    Il-film jurina b’mod ċar li l-familja tiegħu, għalkemm ħasset il-vojt tiegħu meta kien mar Londra biex isegwi l-karriera tiegħu, dejjem ħadu ħsieb li jipproteġu ‘The Great  Man’ dan ghaliex għalihom u għal ħafna kien ‘Kbir’ u dan ghal fatt li hu kien raġel waqt li huma kienu nisa. Tgħid fl-aħħar ta’ ħajtu, Shakespeare jirrnexxielu jirrikonċilja ruħu mal-familja, l-aktar ma’ martu Anne u Judith, t-tewmija ta’ Hamnet?

    Film Ingliż taħt id-direzzjoni ta’ Kenneth Branagh u kitba ta’ Ben Elton. Minħabba t-tema tal-film,  ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax-il sena.