• Fid‑dawl tal‑elezzjonijiet tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsilli Lokali f’Mejju li ġej, il‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi ħejjiet dokument ta’ riflessjoni bbażat fuq it‑tagħlim soċjali tal‑Knisja. Dan għandu jservi ta’ għodda sabiex l‑Insara jkomplu jaqdu d‑dmirijiet u r‑responsabbiltajiet tagħhom fis‑soċjetà, li ma jibdewx u jispiċċaw fil‑mument tal‑votazzjoni imma jkomplu fil‑ħajja ta’ kuljum. Id‑dokument jinsab fuq il‑websajt tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta www.knisja.mt.

    Id‑dokument, li jittratta fost l‑oħrajn temi soċjali u ambjentali li jolqtu s‑soċjetà Maltija u dik Ewropea, hu mmirat sabiex jintuża mis‑saċerdoti fil‑preparazzjoni għall‑omeliji tal‑Ħdud matul ir‑Randan, kif ukoll minn dawk li f’dan iż‑żmien jixtiequ jagħrblu l‑kuxjenza tagħhom u jirriflettu fuq l‑irwol tagħhom bħala Nsara fis‑soċjetà.

    Ir‑riflessjonijiet fid‑ dokument, li huma bbażati fuq l‑Evanġelju kif ukoll fuq stejjer umani oħra jitrattaw:

    1. Il‑ġustizzja soċjali, id‑distribuzzjoni tal‑opportunitajiet u tal‑ġid, il‑faqar u l‑esklużjoni soċjali;
    2. Il‑ħarsien tal‑ambjent, inkluż il‑ħela tal‑ikel;
    3. Il‑paċi globali, u r‑realtà tal‑esportazzjoni tal‑armi;
    4. Ir‑rispett għad‑dinjità u d‑drittijiet ta’ kull bniedem li huma mhedda minħabba prattiċi ekonomiċi inġusti.

    Dawn l‑erba’ temi jorbtu mad‑dokument bi proposti li tnieda mill‑konferenza tal‑Kummissjonijiet għall‑Ġustizzja u Paċi tad‑djoċesijiet Ewropej (Justice and Peace Europe). Dawn il-proposti jiffokaw fuq erba’ kwistjonijiet li jeħtieġu soluzzjonijiet fuq livell Ewropew u li l‑JPE tixtieq tara implementati fil‑leġiżlatura li jmiss tal‑Parlament Ewropew. It‑temi jaffettwaw liċ‑ċittadini direttament u indirettament u huma wkoll marbuta mal‑mod kif ngħixu u l‑għażliet li nagħmlu fil‑ħajja ta’ kuljum.

    Il‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi mhix tippretendi li dawn il‑proposti huma l‑aħjar jew l‑uniċi soluzzjonijiet li għandha bżonn l‑Ewropa iżda b’mod prattiku qed tipprova tagħti dawl ta’ kif il‑fidi Nisranija tista’ ddawwal il‑mod ta’ għejxien fis‑soċjetà tal‑lum.

    Agħfas hawn biex tniżżel id-dokument ta’ riflessjoni mħejji mill‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi.
    Agħfas hawn biex tniżżel id‑dokument bl-Ingliż imħejji mill‑Justice and Peace Europe.
    Agħfas hawn biex tniżżel id‑dokument bil-Malti imħejji mill‑Justice and Peace Europe.