• L‑Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona O.P. ser jiċċelebra Quddiesa ta’ Radd il‑Ħajr lil Alla f’għeluq il‑50 sena mill‑Ordinazzjoni Presbiterali tiegħu. Din ser issir nhar il‑Ħadd 24 ta’ Marzu 2019, fil‑5:30 p.m., fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta.

    F’din il‑Quddiesa ser jikkonċelebra Mons. George Frendo O.P., l‑Arċisqof ta’ Tirana fl‑Albanija, li wkoll qed jiċċelebra l‑50 anniversarju tal‑Ordinazzjoni Presbiterali.

    Is-saċerdoti huma mistiedna biex jikkonċelebraw u l-pubbliku huwa mistieden jieħu sehem f’din iċ-ċelebrazzjoni.

    Mons. Cremona twieled il‑Belt Valletta fil‑25 ta’ Jannar 1946. Daħal fl‑Ordni Dumnikan f’Settembru tal‑1962 u sena wara għamel il‑Professjoni fl‑istess Ordni. Huwa studja l‑Filosofija u t‑Teoloġija fil‑Kulleġġ ta’ San Tumas ta’ Akwinu fil‑kunvent tad‑Dumnikani tar‑Rabat u ġie ordnat saċerdot fit‑22 ta’ Marzu 1969 mill‑Arċisqof Mikiel Gonzi.

    Wara l‑Ordinazzjoni Saċerdotali studja t‑Teoloġija Morali fl‑Università Pontifiċja ta’ San Tumas ta’ Akwinu f’Ruma fejn kiseb id‑dottorat fl‑1973. Huwa kien pirjol fil‑Kunvent ta’ Sidtna Marija tal‑Għar fir‑Rabat bejn l‑1974 u l‑1980 u l‑1997 u l‑2003.

    Mons. Pawlu Cremona kien ukoll provinċjal tal‑Provinċja Dumnikana Maltija għal tmien snin, kappillan tal‑parroċċa ta’ Sidtna Marija tar‑Rużarju ta’ Fatima fi Gwardamanġa u kappillan tal‑parroċċa ta’ Ġesù Nazzarenu f’Tas‑Sliema, delegat tal‑Arċisqof għall‑Ħajja Kkonsagrata, Assistent Direttur Spiritwali fis‑Seminarju Tal‑Virtù, u President tal‑Kunsill tas‑Superjuri Maġġuri tar‑Reliġjużi Maltin (KSMR).

    Mons. Cremona kien ikkonsagrat isqof fis‑26 ta’ Jannar 2007 u mexxa l‑Arċidjoċesi ta’ Malta sat‑18 ta’ Ottubru 2014.