"Brother Louis: A shining star on others" - The Archbishop

Quddiesa fil-ftuħ tal-proċess djoċesan tal-kawża għall-beatifikazzjoni u għall-kanonizzazzjoni ta' Brother Louis Camilleri F.S.C.



  •  
  • L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

     

  • Il-Konkatidral ta' San Ġwann, il-Belt Valletta

    31 ta' Marzu 2019


    F’din il-parabbola flimkien ma’ tnejn oħra, Ġesù jindirizza lill-kategorija partikolari ta’ nies: il-Fariżej u l-Kittieba. U l-okkażjoni kienet tgergira tipika tagħhom li hija tgergira attwali: “Nies midinba jilqa’ għandu dan u jiekol magħhom” (Lq 15:2). Il-kuntest huwa ta’ skandlu, jiskandalizzaw ruħhom jaraw lil Ġesù li jiffrekwenta lill-midinbin; jidħol fl-intimità tal-ikel magħhom u jilqagħhom għandu, “Nies midinba jilqa’ għandu dan u jiekol magħhom”.

    Ir-risposta ta’ Ġesù hija waħda mill-isbaħ parabboli li nsibu fl-erba’ Evanġelji; mhux ta’ b’xejn insibuha fl-Evanġelju ta’ San Luqa li aħna nafuh bħala l-Evanġelju tal-Ħniena tal-Mulej. Għalkemm nafuha bħala l-parabbola tal-iben il-ħali, titlu iżjed approprijat għal din il-parabbola hija l-parabbola tal-Missier u ż-żewġ ulied. It-tnejn li huma għandhom bżonn jitgħallmu tagħlima importanti li għandna bżonn nitgħallmuha lkoll kemm aħna.  

    L-ewwel nett irridu nimmaġinaw il-qsim ta’ qalb ta’ dan il-missier jara liż-żgħir jitlaq imma fuq kollox jitolbu li jaqsam il-wirt. Intom tafu li l-wirt jinqasam mal-mewt. Iż-żgħir hu u jitlaq jixtieq il-mewt ta’ missieru u jrid ir-riżultat tal-mewt ta’ missieru; irid dak li għandu jieħu mal-mewt ta’ missieru: il-wirt. Aħna ħafna drabi nimmaġinaw li l-iben iċ-ċkejken telaq u ħarbat ġidu. Nafu li l-kbir akkużah li berbaq ġidu man-nisa tat-triq imma din hija realtà iżjed profonda: li tixtieq il-mewt ta’ min tak il-ħajja.

    Il-kbir huwa b’xi mod l-ikona tal-Fariżej u l-Kittieba. Jekk l-iben iż-żgħir ifakkarna fil-midinba milqugħa minn Ġesù, dawk li kienu l-midinbin pubbliċi, il-Pubblikani, li kienu jersqu bi ħġarhom lejn Ġesù biex jisimgħuh għax fehmu l-qalb tiegħu x’kienet u min kien hu, jekk dawn huma rappreżentati mit-tifel iċ-ċkejken, iż-żgħir, imma l-oħrajn li Ġesù jixtieq iwassal għall-fidwa u għall-konverżjoni tal-qalb huma rappreżentati mit-tifel il-kbir. Ma jistax iġerraħ li missieru jerġa’ jilqa’ lill-iben li kien xtaq il-mewt tal-missier.  

    ... meta niġġudikaw lilna nfusna, inkunu ħarxa magħna nfusna imma l-Mulej hu ħanin tassew.

    L-ewwel lezzjoni li tgħallem it-tifel iċ-ċkejken hija li l-ħniena tal-missier—u din irridu nirriflettu fuqha għax tgħidilna dak li Ġesù jrid iwasslilna dwar il-ħniena ta’ Alla—dejjem hija ikbar mid-dnub tagħna. Meta niġġudikaw lilna nfusna nużaw sens ta’ rettitudni. It-tifel iż-żgħir jifhem li b’dak li għamel ma jistħoqqlux jissejjaħ iżjed iben, u jaċċetta d-destin tiegħu li mqar ikun lavrant ma’ missieru. Imma l-missier jirraġuna b’mod totalment differenti. Il-ħniena tiegħu treġġa’ lura lill-iben iż-żgħir għad-dinjità ta’ iben: tlibbsu bl-isbaħ libsa, ixxiddlu l-qorq tad-dinjità u ċ-ċurkett tal-awtorità. Aħna ħafna drabi meta niġġudikaw lilna nfusna, inkunu ħarxa magħna nfusna imma l-Mulej hu ħanin tassew. Meta jħenn għalina jħenn għalina bis-serjetà. Il-ħniena tiegħu hija tassew ħaġa tal-għaġeb fil-ħajja tagħna, aħbar tajba fil-ħajja tagħna. 

    L-iben il-kbir għandu dritt għall-wirt imma l-missier ma jixtieqx biss jagħtih sehmu, u jgħidlu: “Dak kollu li huwa tiegħi, huwa tiegħek. Inti dejjem miegħi u kull ma hu tiegħi huwa tiegħek” (Lq 15:31). Imma it-tifel il-kbir kien jonqsu xi ħaġa li kien għadu ma ħax mingħand il-missier: il-qalb tal-missier. U kif il-missier joħroġ biex jilqa’ lill-iben iċ-ċkejken li xtaqu mejjet imma li issa jilqgħu lura “għax kien mejjet u issa reġa ħaj, kien mitluf u nstab” (Lq 15:32), hekk ukoll jerġa’ joħroġ mid-dar biex jilqa’ lill-iben il-kbir li jirrifjuta li jidħol għall-festa. Anke l-iben il-kbir kien skandalizzat bil-ħniena tal-missier. Iż-żewġ ulied huma skandalizzati u sorpriżi bil-ħniena tal-missier. L-ewwel wieħed huwa skandalizzat b’mod pożittiv għaliex ma ppretendiex ir-risposta ta’ ħniena tal-missier. Il-kbir huwa skandalizzat għax ippretenda li missieru juża l-kriterji tagħna l-bnedmin. Imma l-missier, li lill-iben il-kbir tah kollox, jixtieq jagħtih ukoll qalbu, jixtieq jgħallmu jirraġuna ta’ missier li huwa għani fil-ħniena. 

    Il-qaddisin jiġbduna lejhom għax mingħand il-Missier ħadu xrara ta’ qalbu. U meta tisma’ x-xhieda tal-effett li ħalla Bro Louis fuqna li konna nafuh u fuq ġenerazzjonjiet ta’ studenti u għalliema, tirrealizza li fil-laqgħa ma’ dan ir-raġel sempliċi u għaref, dak li jkun qiegħed jersaq lejn il-qalb ta’ Alla. U għalhekk fi Bro Louis hemm iż-żewġ ulied: il-bniedem dgħajjef li jiskopri li l-ħniena ta’ Alla tqaddsek mhux tumiljak; li l-ħniena ta’ Alla timmaturak mhux tkissrek. U hemm ukoll l-iben il-kbir li tgħallem jidħol għall-festa għaliex ormaj induna li l-qalb tal-missier hija ħafna ikbar minn kull dnub u min kull miżerja.

    Min jingħaqad ma’ Kristu jsir ħolqien ġdid.  

    Bro Louis ingħaqad ma’ Kristu fil-mumenti tat-talb tiegħu quddiem l-Ewkaristija, bl-imħabba tiegħu għar-Rużarju, bid-devozzjoni tiegħu lejn San Ġużepp, bil-lealtà tiegħu lejn il-kariżma tal-fundatur San Ġwanni Battista De La Salle. Hu, li kien iħaddan dan l-ideal li l-fidi hija kewkba fid-dlamijiet tad-dinja, sar kewkba għal ħafna u ħafna nies. Min jingħaqad ma’ Kristu jsir ħolqien ġdid.  

    Nitolbu l-interċessjoni tiegħu biex din il-familja reliġjuża ma tkunx biss memorja imma tibqa’ ħajja anke f’pajjiżna.

    Bl-interċessoni tiegħu, bil-pariri tiegħu, min jaf kemm ta paċi u rikonċiljazzponi lil tant nies. Ma kienx saċerdot, ma setax ikun ittentat bil-klerikaliżmu li hija tentazzjoni tagħna l-kjeriċi; l-għażla tiegħu li jkun brother ta’ De La Salle, li jkun wieħed mil- aħwa tal-iskejjel Insara, kienet għażla speċifika, partikolari. Nitolbu l-interċessjoni tiegħu biex din il-familja reliġjuża ma tkunx biss memorja imma tibqa’ ħajja anke f’pajjiżna. Qed nirreferi għall-vokazzjonijiet Lasaljani mhux biss għall-kariżma li naf li jgħixu diversi lajċi, uħud minnhom preżenti hawnhekk, imma wkoll reliġjużi li jiddedikaw ħajjithom għal dan l-istess ideal. Intom ukoll, għeżież brothers, tridu tagħmluha ta’ ambaxxaturi ta’ Kristu. Il-voti li ħadtu għandhom ikunu xhieda għalina.  

    Aħna lkoll dgħajfin. Il-verità hi li l-qdusija tagħna u ta’ kull qaddis hija frott il-ħniena ta’ Alla. Sew jekk aħna t-tifel iċ-ċkejken li bid-dnub ħafna drabi nixtiequ l-mewt ta’ Alla, li Alla ma jeżistix, għax x’irriduha dn is-sikkattura kollha? Sew kemm jekk aħna t-tifel il-kbir li mingħalina kollox nagħmlu tajjeb u għandna xi dritt divin niġġudikaw lil ħaddieħor. Jekk aħna fil-kategorija ta’ wieħed mill-ulied, illum għandna x’nitgħallmu. Il-Mulej qed jgħidilna: ‘Il-ħniena tiegħi hija ħafna ikbar mill-miżerja tagħkom u jiena li nixtieq li nagħtikom hija l-qalb tiegħi li biha tħobbu lil xulxin, li biha tħennu għal xulxin’. L-ikbar ħniena hija li tgħallem lil min ma jafx. Bro Louis ta ħajtu għal din l-opra tal-ħniena. Illum nitolbu lil Alla biex dak li bdejna, iwasslu għat-tmiem u bl-interċessjoni tal-qaddej ta’ Alla Bro Louis, jiena nitlob għal Malta tagħna biex tkun taf xi jfisser il-ħelsien tassew li jagħtiha l-Mulej.


    ✠ Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta

     
  •  
  • Ritratti: knisja.mt/ritratti