• ***

    Direttur:          Jordan Peele

    Atturi:              Lupito Nyong’o,  WinstonDuke, Elisabeth Moss, Tim Heidecker, Madison Curry, Shahadi Wright, Evan Alex, Yahya Abdul-Mateen u Anna Diop

    Ħin tal-Film:    116min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                             15       

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                                  18

    Fl-1986, Adelaide Thomas, tfajla ċkejkna, tmur mal-familja tagħha għall-btala f’Santa Cruz Boardwalk. Waqt li Adelaide tkun qegħda timraħ fl-inħawi waqt li missierha kien moħħu fuq il-logħob, hi tidħol ġewwa funhouse fejn hemm tiltaqa’ ma’ dehra tagħha nfisha f’sala fejn kien hemm ħafna mirja. Ftit wara din l-esperjenza li ħallietha ttrawmatizzata, terga’ tingħaqad mal-famija tagħha iżda ma tkunx kapaċi titkellem fuqha.

    Jgħaddi ż-żmien, u Adelaide issa tinsab miżżewġa ma’ Gabe Wilson, ir-raġel tagħha u għandhom żewġ ulied, Zora u Jason. Il-familja Wilson tmur għall-btala fl-istess bajja fejn Adelaide kellha l-esperjenza trawmatika tant snin ilu. Magħhom ikun hemm il-familja Tylers. Waqt li jkunu fuq il-bajja, Adelaide tkun distratta u jkollha numru ta’ koinċidenzi strambi. Sadanittant, Jason imur jitlajja ftit ‘l bogħod u hemm jiltaqa’ ma stranġier bid-demm iqattar minn idu.

    Adelaide meta tintebaħ li Jason m’għadux magħhom, tippanikkja u wara li Jason jinstab, tħassar ix-xalata tagħhom fuq il-bajja. Hekk kif kienet mħawwda b’dak li ġara matul il-jum, tistqarr ma’ Gabe b’dak li kienet għaddiet minnu tant snin ilu u għalhekk xtaqet ħafna li tirritorna d-dar. Iżda qabel ma seta’ jsir xi ħaġa, imur l-elettriku tad-dar u fuq barra jaraw grupp ta’ erbgħa min-nies libsin jumpsuits ħomor, bil-wieqfa fis-skiet. Gabe jittanta jikkonfrontahom iżda l-erbgħa li huma jattakkawh u jidħlu fid-dar bil-forza. Hemm jirrivelaw li huma kienu dehra tagħhom stess, il-membri tal-familja Wilsons u li kienu jsejħu lilhom nfushom bħala “The Tethered” (“L-Imħabblin”). 

    Il-membri tal-familja jisfaw isseparati minn xulxin. Adelaide tiġi marbuta b’katina ma’ mejda minn Red, Zora tkun sforzata barra d-dar minn Umbrae tiġri warajha, Gabe jigi mkaxkar barra d-dar minn Abraham u Jason jittieħed f’kamra żgħira għal ħażna ta’ oġġetti minn Pluto. X’sejra tkun ir-reazzjoni tal-familja Wilsons meta jsibu ruħhom f’din il-qagħda perikoluza. X’kien qiegħed jiġri sewwasew u x’konnessjoni għandhom il-gaġeġ bi fniek fihom mal-ġrajja tal-film?

    Film Amerikan tal-biża’ u ta’ fantasija psikoloġika, taħt id-direzzjoni u kitba ta’ Jordan Peele. Minħabba t-tema tal-film, mimli vjolenza mdemmija u grafika kif ukoll ħafna kliem goff u profan, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.