• Caritas Malta flimkien mal-Fondazzjoni Oasi u l-Assoċjazzjoni tal-Psikjatri qed jorganizzaw Ċineforum bl-għan li jwasslu iktar għarfien dwar l-abbuż tad-droga u xi jbiegħed mid-droga.

    F’dan iċ-Ċineforum, se jintwera l-film Beautiful Boy, film ibbażat fuq storja vera; adolexxent li huwa dipendenti fuq sustanzi u kif tiġi affettwata l-familja kollha. Wara l-film issegwi  diskussjoni ma’ esperti fil-qasam u wkoll se jingħata ċ-ċans lil dawk li se jattendu jgħaddu r-riflessjonijiet tagħhom kif ukoll xi domandi li jista’ jkollhom.

    Dan hu film li għandu jara kull ġenitur biex jirrifletti fuq dak li uliedu jistgħu jiltaqgħu miegħu u minn xiex jistgħu jgħaddu fil-kultura tagħna tal-lum. Il-messaġġ ewlieni se jkun id-dinamika tal-familja u kif il-familja tista’ żżid jew tnaqqas ir-riskju għall-ulied biex jirrikorru għad-droga.  Il-familja huwa l-post  fejn persuna għandha tirrikori meta għaddejja minn xi problema, imma jekk il-familja mhix preżenti, it-tfal ħafna drabi jidħlu f’riskju li jduru fuq mezzi oħra ta’ ‘coping’. Il-film jgħin ukoll biex wieħed jirrifletti fuq kif il-familja tista’ tgħin lit-tfal ifittxu l-għajnuna meta jkunu għaddejin minn problema ta’ dipendenza fuq id-droga.

    Kemm għadha l-familja tal-lum tfittex li bħala familja tippjana ħarġiet flimkien u li jieħdu gost bħala familja? Kemm qed tikkomunika l-familja flimkien? Kemm qed jinstab il-ħin li l-familja tqatta’ flimkien? Kemm qed ikunu jafu lit-tfal tagħhom il-ġenituri? U kemm hi bżonn il-presenza emozzjonali għat-tfal? Finalment huwa l-ġenitur li għandu jkun ir-role model prinċipali fil-ħajja tat-tfal.

    Meta persuna, adolexxent, jibda jabbuża minn sustanzi, huwa importanti li nħarsu lejn il-persuna sħiħa u mhux lejn is-sustanzi biss. Irridu nħarsu lejn l-ambjent soċjali li fih jgħix dak l-adolexxent u anke x’qed jiġri fis-soċjetà inġenerali. X’messaġġi qed tgħaddi s-soċjetà dwar id-droga, dwar kif wieħed ikampa fil-ħajja u kif jirrikrea ruħu.

    Iċ-Ċineforum se jsir nhar il-Ħamis 11 ta’ April fis-6pm fis-sala tal-konferenzi taċ-ĊAK, Triq Sommier, Birkirkara.  Iċ-Ċineforum hu miftuħ għall-pubbliku inġenerali, speċjalment ġenituri, edukaturi u professjonisti fil-qasam. Il-film hu ‘rated’ 15.

    Booking permezz tas-sit www.caritasmalta.org jew inkella jiġi rriservat post fuq 25906600

    4