•  

  • L‑Arċisqof Charles J. Scicluna jistieden lill‑Insara biex jieħdu sehem fiċ‑ċelebrazzjonijiet tal‑Ġimgħa Mqaddsa li matulhom l‑Knisja Kattolika tfakkar il‑passjoni, il‑mewt u l‑qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu. Jistieden ukoll lill‑Insara jattendu għaċ‑ċelebrazzjonijiet li ser jippresiedi fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta.

    Nhar il‑Ħadd li ġej, 14 ta’ April, il‑Knisja tagħti bidu għall‑Ġimgħa Mqaddsa biċ‑ċelebrazzjoni ta’ Ħadd il‑Palm u l‑Passjoni tal‑Mulej. L‑Arċisqof Charles J. Scicluna, fl‑10:30 a.m., ibierek il‑friegħi tal‑palm u taż‑żebbuġ, u wara jiċċelebra Quddiesa. Matul il‑Quddiesa jinqara r‑rakkont tal‑passjoni mill‑Evanġelju skont San Luqa.

    L‑Erbgħa, 17 ta’ April, fis‑7:00 p.m., l‑Arċisqof ser imexxi l‑Via Sacra Djoċesana li tibda minn ħdejn l‑istatwa ta’ Kristu Re (quddiem il‑lukanda Phoenicia) u tintemm quddiem il‑Konkatidral ta’ San Ġwann.

    Il‑Ħamis, 18 ta’ April, Ħamis ix‑Xirka, fid‑9:15 a.m., l‑Arċisqof jiċċelebra l‑Quddiesa tal‑Griżma. F’din il-Quddiesa, flimkien mal‑Arċisqof, jikkonċelebraw saċerdoti djoċesani u reliġjużi li jġeddu l‑wegħdiet li għamlu dakinhar tal‑ordinazzjoni tagħhom. Dakinhar filgħaxija, fis‑6:00 p.m., issir it‑Tifkira Solenni tal‑Ikla tal‑Mulej. Matul din il‑Quddiesa, fuq l‑eżempju ta’ Ġesù, l‑Arċisqof jaħsel riġlejn numru ta’ persuni. Fi tmiem il‑Quddiesa l‑Arċisqof iwassal is‑Sagrament Imqaddes fil‑Kappella tar‑Ripożizzjoni għall‑qima tal‑Insara.

    Il‑Ġimgħa, 19 ta’ April, il‑Ġimgħa l‑Kbira, fit‑3:30 p.m., l‑Arċisqof imexxi l‑Azzjoni Liturġika tal‑Passjoni u l‑Mewt tal‑Mulej. Din il‑liturġija tinkludi r‑Rakkont tal‑Passjoni skont San Ġwann, l‑Adorazzjoni tas‑Salib u t‑Tqarbin.

    Is‑Sibt, 20 ta’ April, Sibt il‑Għid, fit‑8:00 p.m., l‑Arċisqof imexxi l‑liturġija tal‑Vġili tal‑Għid. Iċ‑ċelebrazzjoni tibda bit‑Tberik tan‑Nar ġdid fuq iz‑zuntier tal‑Konkatidral, u tkompli bil‑liturġija tal‑Kelma, il‑liturġija tal‑Magħmudija, u l‑liturġija tal‑Ewkaristija. Matul din iċ‑ċelebrazzjoni ser jiġu amministrati s‑Sagramenti tal‑Bidu tal‑Ħajja Nisranija (Magħmudija, Griżma u Tqarbin) lill‑adulti.

    Il‑Ħadd, 21 ta’ April, Ħadd il‑Għid, fl‑10:30 a.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra Quddiesa Stazzjonali tal‑Għid il‑Kbir tal‑Mulej. Fi tmiem il‑Quddiesa, l‑Arċisqof jagħti l‑Barka Appostolika bl‑Indulġenza Plenarja.