• WONDER PARK                              ****

    Direttur:          Dylan Brown

    Ilħna:               Brianna Denski, Ken Hudson Campbell, Kenan Thompson, Ken Jeong, Mila Kunis, John Oliver, Jennifer Garner u Matthew Broderick

    Ħin tal-Film:    85 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                             U

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                                  U

    June Bailey u ommha ħolqu avventura ħelwa fuq park ta’ divertiment maġiku li kien immexxi minn grupp ta’ annimali:  Boomer, ors blu li kien jagħti merbħa lil dawk kollha li jżuru l-park; Greta, ħanżira salvaġġa; Gus u Cooper, kasturi aħwa; Steve, porkuspin li jħobb lil Greta; u l-mexxej Peanut, xadin li għandu l-ħila li joħloq logħob ġdid billi jisma’ leħen omm June.

    Sfortunatament, omm June tħossha ħażin u jkun hemm bżonn li tmur l-isptar għal kura. Riżultat ta’ dan, June tibda titlef l-interess fil-Wonderpark u b’tant rabja tasal biex taħraq il-blueprints kollha tax-xogħol li kien sar fuq il-park. Mr. Bailey meta jara dan, jibgħat lil June għal kamp tal-matematika ma’ sħabha tal-iskola, iżda meta June qrat in-nota li ħalla missierha fil-basket: “Miss you. Love you”, June tinterpreta ħażin din in-nota u ħasbet li missierha kien jinsab fi kriżi minħabba n-nuqqas tagħha. Bl-għajnuna ta’ Banky, il-ħabib tagħha li ħoloq distrazzjoni fuq il-kowċ, June tahrab biex tmur lura d-dar iżda ġewwa masġar issib Wonderland ma jaħdimx. Minn fuq dan il-park ta’ divertiment kienet għaddejja tempesta ta’ sħaba mudlama, u waqt li June u l-annimali jkunu qegħdin jippruvaw jirranġaw il-mekkaniżmu tal-park, jiġu attakkati minn numru kbir ta’ ximpanzi żombi.

    Fil-konfużjoni sħiħa li nqalgħet, June tissepara mill-annimali u ssib ruħha f’kamra fl-arja, magħrufa bħala Zero-G-Land u hemm issib lil Peanut li jistqarr magħha li meta ma baqgħax jisma’ aktar il-leħen ta’ ommha, hu sab ruħu mitluf. June tintebaħ li kien minħabba fiha li nħolqot dik id-Dalma b’riżultat li x-ximpanzi żombi nvadaw u ħadu lil Peanut bħala priġunier tagħhom. June  jirnexxielha taħrab u tmur lura lejn l-annimali biex tgħidilhom li sabet lil Peanut u li kien tort tagħha li nħolqot id-dalma. L-annimali xejn ma ħadu pjaċir b’dak li qaltilhom June u lkoll telquha. X’jiġri minn hawn? June tiġi f’idejha biċċa mill-blueprints ta’  Wonderland li wara kollox kienet hi stess li ħolqitha bl-għajnuna ta’ ommha.

    Film animat ikkomputerizzat, taħt id-direzzjoni ta’ Dylan Brown u kitba ta’ Robert Gordon, Josh Appelbaum u André Nemec. Film mimli azzjoni u b’messaġġ pożittiv li għandu jogħġob l-aktar lit-tfal żgħar.