• ***

    Direttur:          S. CraIg Zahler

    Atturi:              Mel Gibson, Vince Vaughn, Tory Kittles, Michael Jai White, Jennifer Carpenter, Laurie Holden, Fred Melamed, Udo Kier, Thomas Kretschmann u Don Johnson

    Ħin tal-Film:    159 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 18

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      18

    Brett Ridgeman u Anthony Lurasetti jaħdmu flimkien bhala pulizija fil-belt fittizja ta’ Bulwark. F’operazzjoni li kienu qegħdin iwettqu kontra wieħed suspettat li jmexxi d-droga, Ridgeman juża vjolenza eċċessiva fuqu. Dak li għamel Ridgeman jinqabad fuq video li meta jidher fuq il-media jqajjem furur. Lt. Calvert ma jkollux alternattiva ħlief li jissospendi, għal sitt ġimgħat mingħajr salaru, t-tnejn li huma biex jikkalma l-media. Kien kollu għal xejn li Ridgeman talbu biex Lurasetti ma jeħilx miegħu. Kemm Ridgeman kif ukoll Lurasetti jsibu ruħhom fi problemi finanzjarji;  Ridgeman kellu l-mara Melanie, marida serjament waqt li Lurasetti xtaq ħafna li  jipproponi lill-għarusa tiegħu biex jiżżewwġu.

    Minħabba din il-qagħda diffiċli, jiddeċiedu li jduru lejn il-konnessjoni li kellhom ma’ kriminali biex waqt li huma jkunu bla paga, ikunu jistgħu jdaħħlu xi ħaġa tal-flus. Ridgeman jagħmel kuntatt ma’ Freidrich, negozjant u msieħeb sew ma’ nies kriminali. Dan kien obbigat lejn Ridgeman u għalhekk tah informazzjoni fuq kriminal gwapp, Lorentz Vogelman li kien qiegħed iħejji serqa kbira minn Bank.

    Sadanittant, Henry Johns li kien għadu kemm skonta sentenza l-ħabs kien qiegħed jittama li jsib xi opportunità li jaqla ftit flus biex ikun jista’ jiffinanzja lil ommu, prostituta u dipendenti fuq id-droga, kif ukoll lil ħuh iż-żgħir li kien jinsab fuq siġġu tar-roti. Johns jingħaqad ma’ Biscuit biex jidħlu għal biċċa xogħol li kienet sejra trendi somma tajba ta’ flus. Dak li  kien sejjer jħaddimhom kien Volgeman li riedhom li wieħed ikun is-sewwieq tal-van u l-ieħor ikun għassa, filwaqt li tkun qegħda sssir is-serqa.

    Ridgeman u Lurasetti jsiru jafu bil-pjan kollu permezz tan-negozjant u jiddeċiedu li jimxu wara l-passi tal-gang ta’ Vogelman u li wassalhom fi qrib fejn il-ħallelin kienu sejrin iwettqu serqa ta’ ingotti ta’ deheb. X’jiġri meta Volgeman u l-gang tiegħu jibdew iwettqu s-serqa fuq il-Bank, b’Ridgeman u Lurasetti b’għajnehom  fuqhom u jsegwu kull pass li kienu qegħdin jagħmlu?

    Film Amerikan, mimli azzjoni, taħt id-direzzjoni u kitba ta’ S. Craig Zahler. Minħabba vjolenza eċċessiva, qtil kiesaħ u biered u bla ħniena ta’ persuni li sabu ruħhom bla htija fin-nofs tal-pjan djaboliku ta’ Volgeman, il-film tajjab li jarawh il-kbar biss b’riżerva.