• *****

    Diretturi:         Anthony Russo u Joe Russo

    Atturi:              Brie Larson, Scarlett Johannson, Karen Gillan, Paul Rudd, Dave Bautista, Robert Downey Jr., Tessa Thompson, Chris Evans, Chris Hemsworth u Evangeline Lilly

    Ħin tal-Film:    181 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      12

    Fl-avventura li assistejna għaliha fil-film: Avengers: Infinity War, nofs il-ħajja fl-Univers ġiet eliminata minn Thanos, tirann intergalattiku, wara li rnexxielu jakkwista f’idejh l-Ingwanta Infinita bis-sitt Ġebliet Infiniti fiha. Waqt li l-familja ta’ Clint Barton (Hawkeye/Ronin) nqerdet, Carol Danvers (Captain Marvel), irrnexxielha ġġib lura lejn id-Dinja lil Nebula (it-tifla adottiva ta’ Thanos) u Tony Stark (Iron Man). Dawn kienu jinsabu mitlufa fl-ispazju wara li ġew megħluba minn Thanos.

    Lura lejn id-Dinja, jingħaqdu ma’ Natasha Romanoff (Black Widow), Bruce Banner (Hulk), Steve Rogers (Captain America), Rocket, Thor (Re ta’ Asgard), Pepper Potts (l-għarusa ta’ Stark) u James Rhodes (War Machine). Dawn jiġu flimkien biex jippjanaw kif sejrin jisirqu l-Ġebliet Infiniti biex hekk jużawhom biex irreġġgħu lura l-azzjonjiet kollha li ġraw. Hekk kif sabu lil Thanos, isiru jafu mingħandu, li hu kien qeridhom biex ma jintużawx aktar. Bir-rabja, Thor jaqta’ ras Thanos.

    Jgħaddu ħames snin;  l-Avengers inbidlu. Banner jieħu kontrol tan-naħa tiegħu li kellu ta’ Hulk. Thor, sakranażż, isir il-mexxej irresponsabbli ta’ Asgard ġewwa n-Norveġja. Sadanittant, Scott Lang (Ant Man) jaħrab mill-quantum realm u jsir jaf x’ġara mid-Dinja fl-assenza tiegħu. Hu jiltaqa’ ma’ Romanoff u Rogers fejn jispjegalhom l-effett tal-quantum realm u  l-effett li jkollha fuqhom meta jużawha biex imorru lura fiż-żmien. Għalhekk it-tlieta jipproponu lil Stark li kien qiegħed jieħu ħsieb lil bintu, Morgan ma’ Pepper Potts, biex jivvjaġġaw lura fiż-żmien u hekk ikunu f’qagħda li jakkwistaw il-Ġebliet Infiniti qabel Thanos jieħu l-pussess tagħhom hu.

    Stark għall-bidu jirrifjuta l-proposta għall-fatt li kienu sejrin ibiddlu l-istorja, kif ukoll tolqot lil bintu Morgan. Iżda wara li rrifletta u ftakar kif kien tilef lil Peter Parker, Stark jirnexxielu jiddisinja magna ta’ żmien li tkun taħdem. L-Avengers, magħqudin,  jinqasmu fi gruppi biex jidħlu għal din il-missjoni delikata biex jieħdu pussess tas-sitt Ġebliet Infiniti qabel ma Thanos jirnexxielu jagħmel dan hu stess. X’jiġri minn hawn? Tgħid jirnexxielhom ibiddlu l-istorja u hekk isalvaw il-qerda tal-Univers mill-qilla ta’ Thanos?  

    Film Amerikan, mimli azzjoni, taħt id-direzzjoni tal-aħwa Anthony u Joe Russo u kitba ta’ Christopher Markus u Stephen McFeely. Film eċitanti, spettaklu interessanti u moralment qawwi għalkemm b’numru ta’ xeni vjolenti.