A society that does not put aside the Cross - The Archbishop

Quddiesa li matulha tbierek il-Kurċifiss Ta’ Ġieżu

  • L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna


  • Il-Knisja ta’ Santa Marija Ta’ Ġesù, il-Belt Valletta

    3 ta' Mejju 2019


    Ġesù Kristu “li għad li kellu n-natura ta’ Alla ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu,” ċekken lilu nnifsu “billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib” (Fil 2:8).  Aħna u nirritornaw ix-xbieha għażiża, devota u mirakoluża tal-Kurċifiss ta’ Ġieżu, kif nafuh aħna l-Maltin u l-Għawdxin, irridu niftakru fil-misteru profond li din ix-xbieha qaddisa tfakkarna fiha. Ġesù Kristu, li kellu n-natura ta’ Alla, ma jidhirx quddiemna fi xbieha ta’ setgħa, ma jidhirx quddiemna fix-xbieha tal-frugħa tad-dinja, imma jidher quddiemna bħala bniedem imsallab, Ġesù Kristu li huwa Alla magħmul bniedem.

    Quddiem din ix-xbieha sseħħ il-kelma tiegħu stess mill-Evanġelju ta’ San Ġwann meta jgħid li meta jintrefa’ jiġbed il-bnedmin kollha lejh (ara Ġw 12:32). Fl-Evanġelju ta’ San Ġwann din l-eżaltazzjoni hija identika mal-kruċifissjoni. Għalhekk, meta jirreferi għalih innifsu, fid-djalogu tiegħu ma’ Nikodemu, Ġesù jitkellem dwar neċessità radikali u mhux kwistjoni ta’ destin: “Jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-Bniedem biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem (Ġw 3:14). 

    Ġesù jattirana lejh minn fuq is-salib u din ix-xbieha, li għandha idjoma jew kodiċi ermenewtiku, qed tipprova tesprimi din ir-realtà. X’irrid ngħid b’din l-idjoma ermenewtika? X’inhuma l-elementi partikulari ma’ din ix-xbieha? Din ix-xbieha, li ġejja minn tradizzjoni li ffjorixxiet fi Sqallija u ġiet importata hawnhekk b’mod partikulari f’dan il-kurċifiss u fil-kurċifiss li għandna fil-katidral tal-Imdina u li mbagħad ġiet imitata f’kurċifissi oħrajn, hija li l-artist, li huwa wkoll bniedem ta’ fidi u bniedem ta’ talb, joħloq kuntrast bejn l-innoċenza u d-dnub li nsieħbu fix-xbieha mqaddsa.

    Nistgħu ngħidu li b’dan ir-restawr—li tiegħu nixtiequ nirringrazzjaw lil kull min ħa sehem, mhux biss lil Fr Charles imma wkoll lil kull min kien parti minn dan il-proċess inkluż il-benefatturi—aħna nistgħu nammiraw iżjed mill-qrib id-distakk bejn il-karnaġġjon ċar tal-innoċenza, mhux is-sfura tal-mewt, dik il-karnaġġjon li tfakkrek fis-safa tal-ġilju, fil-purezza, fl-innoċenza tal-Ħaruf bla tebgħa li jneħħi d-dnubiet tad-dinja. F’din ix-xbieha tinnota l-effett tal-qlub tagħna: il-pjagi u l-kuruna tax-xewk huma eċċentwati b’mod aħrax ħafna. B’hekk jinħoloq kuntrast bejn l-innoċenza ta’ Ġesù u dak li jagħmel id-dnub tagħna. Jekk trid tifhem x’inhu d-dnub tiegħek, ħares lejn din ix-xbieha, imma jekk trid tifhem ukoll l-innoċenza ta’ Ġesù u l-qawmien tiegħu mill-imwiet, ħares ukoll lejn din ix-xbieha.

    ... ejjew nitolbu li ninbiddlu fix-xbieha ta’ Ġesù ...

    Għalhekk, aħna u nagħtu t-talb tal-barka li hija t-talba tal-Knisja, tlabna biex aħna, miġburin quddiem ix-xbieha tal-Iben ta’ Alla magħmul bniedem imsallab għalina, nieħdu l-barka u ma’ din il-barka nieħdu wkoll il-grazzja li nitbiddlu f’dak li nqimu fix-xbieha tiegħu. Hekk tlabna. It-talba tal-barka tal-lum hija talba li aħna nitbiddlu fix-xbieha ta’ Ġesù Kristu. Aħna qegħdin inqimu din l-opra ta’ arti reliġjuża, xbieha li għalina hi għażiża u għażiża ħafna. Imma aħna u nħarsu lejn ix-xbieha, aħna u ninżlu għarkupptejna quddiemha, ejjew nitolbu li ninbiddlu fix-xbieha ta’ Ġesù li fil-ħajja tagħna, għalkemm mgħobbija bil-pjagi ta’ dnubietna, inħallu tidher ukoll l-innoċenza tal-midneb maħfur għax aħna lkoll għandna d-dejn ma’ Alla, u hu ta’ għani fil-ħniena li hu, jaħfirlna dejjem u jagħtina l-innoċenza tal-bidu.

    ... il-pjagi tal-ġisem ta’ Ġesù huma wkoll xbieha tal-umanità li qiegħda ssofri.

    Int u tara l-karnaġġjon safja tal-Mulej imsallab, ifhem li inti msejjaħ għal dik is-saltna. Inti u tħares lejn ir-radikalità, il-ħruxija u l-kefrija ta’ dawk il-pjagi, ftakar li inti wkoll parti minn dak il-ġisem li, waqt li għandu l-glorja tal-ġisem imsebbaħ, ibati wkoll f’ħutna ppersegwitati, f’ħutna l-morda, f’ħutna l-imwarrbin, f’ħutna l-minsija, f’ħutna li qatgħu qieshom mill-ħajja. Dawk il-pjagi tal-ġisem ta’ Ġesù huma wkoll xbieha tal-umanità li qiegħda ssofri. Dik il-karnaġġjon safja tiegħu hija x-xbieha tal-Knisja li qed tissielet għall-qdusija. 

    Ejjew nidħlu fil-misteru tal-pjagi ta’ Ġesù. Kif qal lil Tumas: “Ġib sebgħek hawn u ara idejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen” (Ġw 20:27). Dawk huma, bħalma kelli x-xorti ngħid fil-Ħadd tal-Ħniena Divina, bibien u twieqi fuq il-qalb ta’ Alla; il-qalb ta’ Alla li huwa mħabba, li huwa ħniena. Imma ma ninsewx li aħna u nqimu din ix-xbieha għażiża, qegħdin nirċievu wkoll dan id-don ta’ ħniena: li aħna issa nkunu Ġesù għall-proxxmu tagħna fis-soċjeta tagħna; li l-kelma tagħna tkun il-kelma tiegħu; u li l-valuri tal-beatitudnijiet li hu ħabbar ikunu l-valuri li nħaddnu aħna u li ma nibżgħux li nkunu xhieda tal-imħabba anke meta jintalab lilna prezz għoli.  

    Is-sinjal tas-salib m’għandux ikun monopolju tagħna l-Insara ...

    Nixtieq ukoll inħeġġeġ lis-soċjetà Maltija, hi u tiżviluppa iżjed u iżjed u b’pass mgħaġġel f’soċjetà multikulturali u multietnika, biex qatt ma twarrab is-sinjal għażiż tas-salib. Is-sinjal tas-salib m’għandux ikun monopolju tagħna l-Insara; huwa statement ta’ solidarjetà ma’ min qiegħed ibati u għandu valur iżjed kbir u aqwa mill-kultura tagħna, mir-reliġjon tagħna, għax Ġesù Kristu mhuwiex monopolju tagħna l-Kattoliċi. Miet għal kulħadd u l-kurċifiss huwa sinjal ta’ mħabba għal kulħadd, b’mod speċjali għal min ma jistax jifhmu.

    Għalhekk, jiena nirringrazzja lill-awtoritajiet li japprezzaw il-valur tal-preżenza tal-kurċifiss anke fl-ambjenti pubbliċi u jekk qegħdin hawn illum, mhux qegħdin hawn biex ninawguraw xbieha biex tingħalaq bejn l-erba’ ħitan tas-sagrestiji tagħna, imma biex nagħmlu statement ukoll li dan il-messaġġ ta’ solidarjetà ta’ min qiegħed ibati, ta’ mħabba li ma tieqaf quddiem l-ebda premju, tal-innoċenza li tagħti ħajjitha, huwa messaġġ li lill-umanità m’għandhiex tbezzagħha  imma li hija mimlija tama.     

    Nadurawk o Ġesù u mberkuk għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.


     Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta

     
  • Ritratti: knisja.mt/ritratti