• ***

    Direttur:          Jonathan Levine

    Atturi:              Seth Rogen, Charlize Theron, O’Shea Jackson Jr., Andy Serkis, June Diane Raphael, Bob Odenkirk, Alexander Skarsgard, Ravi Patel u  Tristan D. Lalla

    Ħin tal-Film:    125 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                             15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                                  18

    Fred Flarsky hu ġurnalist li l-kitba tiegħu kienet toħloq kontroversja b’riżultat li kien hemm xi ftit persuni li l-kitba tiegħu kienet tolqothom sew. Fred kien jagħmlu dan b’riskju. Darba nfiltra grupp ta’ nies b’ideal anti-soċjali: White Power. Fred kien lest li joqgħod għal kollox. Il-grupp riedu jagħmlulu tatoo ta’ swastika iżda li baqgħet nofs leħja għax Fred inkixef li wara kollox ma kienx ġenwin. Qabża minn tieqa, salvatlu ħajtu.

    Lura lejn ix-xogħol, isir jaf li Parker Wembley, media mogul, konservativ, kien xtara l-kumpanija tal-pubblikazzjoni.  Dan kien ifisser li nofs il-ħaddiema kienu sejrin isibu ruħhom issensjati, għalkemm hu kien sejjer iżomm postu. Fred iżda ma jaċċettax. Ma kienx lest li bħala ġurnalist jiġbed l-ispaga ta’ xi ħadd għax għandu l-flus. Fred jispiċċa bla xogħol. Fred sab svog fix-xorb u fid-droga ma’ Lance, ħabib tal-qalb. Lance kien sinjur kbir.

    Darba Lance ħadu għall-attività fejn Fred, bla ma qatt stenna, ltaqa’ma’ Charlotte Field li bħala teenager, kienet tieħu ħsiebu sakemm il-ġenituri tiegħu kienu jiġu lura minn barra. Charlotte kienet hemm ghar-riċevement għax kienet mistiedna bħala s-Segretarja tal-Istat. Ftit jiem qabel, Chalotte ssir taf li l-President Chambers ma xtaqx jikkontesta l-Presidenza u xtaq li hi tkun dik li tikkontesta l-Elezzjoni Presidenzjali għas-sena 2020. B’appoġġ mill-President, hi sabet bieb miftuħ beraħ għaliha, b’tim ta’ madwarha lesti li jgħinuha. Fost dawn kien hemm Maggie Milliken, persuna ta’ karattru sod u iebes, kapaċi li tibnilha image biex tirbaħ l-elezzjoni.

    Sadanittant, Charlotte ħejjiet żjara mondjali biex tirbaħ appoġġ mill-pajjiżi biex fid-dinja jkollna ambjent aħjar. Hi talbet lil Fred ikun magħha biex jiktbilha dak li xtaqet twassal. Fred mhux tant ippreparat biex jgħix din l-istil ta’ ħajja attraenti, iżda ma jdumx ma jieħu l-opportunità mhux biss li issa għandu x-xogħol li jħobb jagħmel, iżda l-aktar li jkun iktar fil-qrib li jsir jaf lil dik li meta kien żgħir kien inġibed lejha. X’jiġri minn hawn?

    Film Amerikan, kummiedja romantika, taħt id-direzzjoni ta’ Jonathan Levine u kitba ta’ Dan Sterling. Minħabba valuri mhux tant pożittivi, użu ta’ droga, ċajt doppju sens u kliem goff u żorr kif ukoll sess qabel iż-żwieġ, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.