• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna


  • Il-Katidral ta’ San Pawl, l-Imdina

    29 ta’ Ġunju 2019

    Iż-żewġ appostli kbar li qegħdin niċċelebraw f’dan il-jum solenni, il-Mulej ippermetta li jgħarfu b’onestà kbira d-dgħufija tagħhom. Tiftakruh l-episodju wara s-sajda mirakoluża meta Ġesù jippermetti lil Pietru jaqbad ħafna ħut, Pietru jħossu mhux den quddiem Ġesù? Fil-fatt hu jinżel prostrat u jgħidlu: “Tbiegħed minni, Sinjur. Jiena midneb”. U l-Mulej jgħidlu: “Tibżax”.

    Pawlu jitkellem dwar esperjenza personali fejn fi djalogu ma’ Ġesù jilmenta fuq niggieża li kienet qiegħda tkiddu. Hu jsejħilha ‘messaġġiera mix-xitan’ u jitlob lill-Mulej jeħilsu minn dan l-għawġ li kien qed ifakkru kontinwament f’kemm hu dgħajjef u f’kemm hu midneb (2 Kor 12:7). Il-Mulej jgħidlu: “Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi” (2 Kor 12:9). Il-Mulej ma’ dawn iż-żewġ appostli kbar jinsisti li hu se juri l-qawwa tiegħu minkejja d-dgħufija tagħhom; li l-kobor tagħhom huwa dejn lill-ħniena u l-grazzja tiegħu.

    … inħarsu lejn dawn l-appostli l-kbar u ngħarfuhom bħala ħutna li fix-xirka tal-qaddisin jifhmu l-keded kollha li jkollna ngħaddu minnhom … 

    Dan għalina huwa messaġġ ta’ kuraġġ u anke okkażjoni ta’ ferħ. Aħna li kuljum ikollna l-esperjenza tad-dgħufija u tad-dnub tagħna, inħarsu lejn dawn l-appostli l-kbar u ngħarfuhom bħala ħutna li fix-xirka tal-qaddisin jifhmu l-keded kollha li jkollna ngħaddu minnhom biex nippruvaw inkunu fidili lejn Ġesù.

    Imma dawn iż-żewġ appostli—li aħna nqimu lkoll bħala l-kolonni li fuqhom hija mibnija x-xhieda tal-Knisja ta’ Ruma, li aħna nammiraw bħala l-pedament tal-għaqda Kattolika tal-Knisja li aħna nemmnu bħala waħda, qaddisa, kattolika u appostolika—kellhom mhux biss l-esperjenza tad-dgħufija imma kienu esperti fil-qawwa ta’ Alla. Alla ħadem il-qawwa tal-ispirtu qaddis tiegħu permezz ta’ dawn iż-żewġ Lhud. Wieħed sajjied miżżewweġ li t-tradizzjoni tgħid ukoll li kellu tifla. Peress li l-Knisja Rumana x’aktarx ma kinetx taf x’jisimha t-tifla ta’ San Pietru sejħitilha Petronilla u hemm devozzjoni kbira lejn Santa Petronilla.

    Pawlu kien single; kien kważi l-avukat, id-doctor ngħidulu doctor gentium. Dawn iż-żewġ qaddisin, tant differenti imma magħqudin mill-istess għeruq tal-fidi ta’ Abraham u t-tnejn membri tal-poplu magħżul tal-poplu ta’ Alla, għalina huma l-kolonni.

    Din is-sena xtaqt nislet ftit riflessjonijiet fuq iż-żewġ kwadri ovali li għandna fuq il-presbiterju. Huma xogħol eċċezzjonali ta’ mikro-mużajk. Tinnutaw li fil-festa jkun hemm xemgħa twila taħthom. San Pietru u San Pawl iħarsu lejn xulxin. Interessanti li t-tnejn għandhom ktieb għaliex fit-Testment il-Ġdid aħna ngawdu mill-kitbiet tagħhom: ħafna ittri ta’ San Pawl u żewġ ittri attribwiti lil San Pietru fejn f’waħda minnhom Pietru jilmenta kemm Pawlu kultant jikteb tqil u diffiċli biex tifhmu. Għalhekk iwissi li l-Kelma ta’ Alla mhux la kemm taqbad u tinterpretaha imma trid ukoll id-don tal-ispirtu mhux biss biex taqraha imma anke biex tifhimha u tfehemha. Pawlu, kif tafu, huwa dak li jidħol fil-fond fil-misteru ta’ Ġesù u jilqa’ s-sejħa li ħa fit-triq ta’ Damasku u jkun xhud għall-ġnus u għalliem tal-ġnus doctor gentium.

    San Pietru għandu f’idejh l-imfietaħ. L-iskultura ta’ dan l-inkwatru tesprimi l-personalità u l-missjoni taż-żewġ appostli. Jekk inħarsu lejn il-gwarniċ sabiħ ta’ San Pietru naraw l-istrument tal-martirju tiegħu: is-salib rasu ’l isfel u ż-żewġ imfietaħ. Il-missjoni tiegħu: “Jiena nagħti lilek l-imfietaħ tas-saltna tas-smewwiet” u l-profezija ta’ Ġesù li jgħidlu: “Tassew tassew ngħidlek, meta kont żagħżugħ, kont titħażżem waħdek u tmur fejn trid; imma meta tixjieħ, int tiftaħ idejk u ħaddieħor iħażżmek u jieħdok fejn ma tkunx trid!” (Ġw 21:18). San Ġwann l-evanġelista jgħid li Ġesù kien qed jirreferi għall-mod li se jmut Pietru u li bih kellu jagħti glorja lil Alla (ara Ġw 21:19) li b’din il-mewt kellu jagħti glorja lil Alla. Nafu li Pietru nqatel fl-istadju ta’ Neruni, mhux ’il bogħod minn fejn imbagħad indifen f’dak li huwa llum iċ-ċentru tal-bażilika ta’ San Pietru.

    Huma kienu xhud ta’ Ġesù mhux fil-punt tal-mewt biss imma matul l-appostolat tagħhom kollu.

    Meta San Pawl ġie Malta sab il-lifgħa u l-ħuġġieġa li fl-istess ħin ifakkruna fil-qawwa li ta Ġesù lil dawn l-appostli u li skont ir-rieda tiegħu jinħelsu mill-għawġ. Kemm fl-Ewwel Qari u fit-Tieni Qari, l-ewwel Pietru imbagħad Pawlu jitkellmu fuq il-qawwa ta’ Alla li teħlishom minn diffikultajiet kbar. “Hekk jien ġejt meħlus minn ħalq l-iljun” (2 Tim 4:17) jgħid Pawlu, u fl-Ewwel Qari fejn għandna l-episodju ta’ Pietru li jinħareġ bl-intervent tal-anġlu tal-Mulej mill-ħabs, Pietru jgħid: “Issa naf tassew li l-Mulej bagħat l-anġlu tiegħu u ħelisni minn id Erodi u minn dak kollu li l-Lhud kienu qegħdin jistennew li jsir” (Atti 12:11). Iż-żewġ qari jagħtuna din l-esperjenza li għandhom dawn id-dixxipli tal-Mulej: li l-Mulej kapaċi jeħlishom; ma ħelishomx mill-martirju. Huma kienu xhud ta’ Ġesù mhux fil-punt tal-mewt biss imma matul l-appostolat tagħhom kollu. Fit-Testment il-Ġdid hemm kelma waħda għal ‘xhud’ li hi martus. Imma minn fejn ġejja l-kelma martri? Martri mhux biss bit-tixrid tad-demm imma għax tkun xhud ta’ Ġesù bil-ħajja u bil-kelma tiegħek.

    San Pawl għandu l-għodda tal-martirju tiegħu: il-mannara u s-sejf, simbolu tal-Evanġelju, bħalma nsibu fl-Ittra lill-Efesin: “Ilbsu l-elmu tas-salvazzjoni u aqbdu x-xabla tal-Ispirtu li hi l-kelma ta’ Alla” (6:17). F’ħafna mill-ikonografija tagħna l-Maltin San Pawl ma jkollux is-sejf għaliex idu jerfagħha biex jgħid li dik hi l-id li ħelset mill-gidma tal-lifgħa imma dan il-kwadru mikro-mużajk naraw l-ikonografija tradizzjonali, anke bl-istess kuluri tal-ilbies. Pawlu dejjem jidher bit-tunika ħadra u l-mantell aħmar waqt li Pietru dejjem jidher bit-tunika jew ta’ kulur vjola jew blu skur, u l-mantell tiegħu iżjed safrani. Dawn huma l-kuluri tradizzjonali.

    Aħna llum nixtiequ nirringrazzjaw lil Alla talli l-katidral tagħna huwa wkoll iddedikat lil din il-festa kbira. Fl-antik, wara l-ħġejjeġ ta’ San Ġwann konna nibqgħu nifirħu bil-luminarja. F’dan il-lejl kienu jibqgħu jinxtiegħlu d-dwal biex niċċelebraw propju din il-festa kbira ta’ dawn iż-żewġ appostli. Il-ħsieb tal-aħħar imur lejn il-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku li huwa msejjaħ minn Ġesù biex ikun is-suċċessur ta’ San Pietru biex jippresiedi l-Knisja ta’ Ruma fil-karità u fl-imħabba. Nirringrazzjaw lil Alla li fil-persuna tal-Papa Franġisku għandna ragħaj tal-Knisja li meta jitkellem fuq l-imħabba, taf li qabel ma tkellem għexha u wettaqha. Kemm tkun ħaġa sabiħa li nieħdu dan l-ispunt minn dawn ix-xhieda ta’ Ġesù. Ix-xhieda ta’ Pietru u Pawlu ma kinetx biss fl-aħħar bil-mewt tagħhom imma kienet xhieda kontinwa tal-Mulej li jsejjaħ lid-dgħajfin, jagħtihom il-qawwa, jeħlishom, isejħilhom u jibgħathom xhieda tal-imħabba u l-ħniena tiegħu.

     Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta’ Malta  

     


  • Il-Qari tal-Quddiesa:
    Qari I: Atti 12:1-11
    Salm: 33, 2-9
    Qari II: Tim 4:6-8. 17-18
    Evanġelju: Mt 16:13-19