Considering foreigners as an opportunity and not a threat - The Auxiliary Bishop

Quddiesa fil-festa tal-Beatu Nazju Falzon

  • L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

  • Il-Knisja Ta’ Ġieżu, il-Belt Valletta
    1 ta’ Lulju 2019

    “Il-barranin li hawn f’pajjiżna huma bnedmin bħalna bl-istess dinjità umana bħal tagħna u bl-istess jeddijiet fundamentali li ngawdu aħna. Jekk il-barrani għadu ma ltaqax ma’ Kristu Ġesù, x’jgħid meta jiltaqa’ magħna, il-familja ta’ Ġesù, u jismagħna nitkellmu fuq il-Mulej? X’jgħid meta jara kif ngħixu l-barkiet li għallimna Ġesù stess? X’jgħid meta jara kif niċċelebraw il-fidi tagħna?... Illum imiss lilna nagħtu xhieda ta’ dan id-Dawl lil ħutna l-bnedmin li jinsabu fostna u magħna. Illum nitolbu lill-Ispirtu s-Santu biex idawwal il-menti u l-qlub tagħna bid-dawl, bil-ħeġġa u bl-imħabba tiegħu għal kulħadd, inkluż għall-barranin li jgħixu fostna.”

    Dawn iż-żewġ siltiet mill-Ittra Pastorali ta’ Għid il-Ħamsin ta’ din is-sena jfakkruna ħafna fil-Beatu Nazju Falzon li llum qed niċċelebraw il-festa tiegħu. Nazju Falzon għex bejn l-1813 u l-1865, miet fl-istess ġurnata li twieled, fl-1 ta’ Lulju.

    Kellu trobbija tajba ħafna fil-Belt Valletta minn ġenituri magħrufin għall-onestà u t-tjubija tagħhom. Kien tifel intelliġenti u mexa ħafna ’l quddiem fl-iskola u fl-Università, fejn ta’ 21 kellu diġà l-lawrja ta’ avukat u gradwat fit-teoloġija.


    Appostolat fost is-suldati u l-baħrin

    Nazju Falzon baqa' magħruf għall-appostolat li kien jagħmel fost ir-reġimenti Ingliżi li kienu Malta għal aktar minn 20 sena. Kien żmien meta pajjiżna kien kolonja Ingliża. Il-portijiet Maltin kienu mimlija suldati u baħrin Ingliżi, fejn kien ikun hemm ankrati vapuri tal-flotta Ingliża. Mijiet ta' suldati u baħrin Ingliżi ta’ kuljum kienu jimlew it-toroq tal-Belt.

    Nazju Falzon ma kienx jara theddida fil-barranin, imma opportunità. Hu xtaq li jkun ta’ ġid għalihom. Kien studja l-Ingliż – ħaġa rari dak iż-żmien – u kellu doni speċjali li jaf kif isir ħabib ta’ diversi minnhom u jistedinhom għal-laqgħat ta’ tagħlim. Għall-ewwel kien jiġbor lil dawk fosthom li kienu Kattoliċi fid-dar tiegħu fi Triq id-Dejqa, il-Belt. Ma’ dawn kien ikun hemm oħrajn li jitħajru u mbagħad iktar tard jitgħammdu – fil-fatt kienu ’l fuq minn 600 dawk li tgħammdu wara li ltaqgħu miegħu. Kien hemm min imur biex jiftaħ qalbu miegħu. Ħafna drabi, hu kien isir jaf il-familja tagħhom, b’mod speċjali ta’ dawk li kienu stazzjonati f’Malta u kien jieħu ħsiebhom spiritwalment.

    Fil-quddiesa tal-Beatifikazzjoni ta’ Nazju Falzon fid-9 ta’ Mejju 2001, Papa Ġwanni Pawlu II hekk iddeskriva din il-ħidma tiegħu: “Ċaħad is-suċċess tad-dinja li kien imħejji għalih mit-trobbija tiegħu biex jaqdi l-ġid spiritwali tal-oħrajn inkluż il-ħafna suldati u baħrin Ingliżi li kienu stazzjonati Malta dak iż-żmien. Fl-imġiba tiegħu magħhom, li ftit biss minnhom kienu Kattoliċi, għex minn qabel l-ispirtu ekumeniku ta’ rispett u djalogu li llum aħna midħla tiegħu imma li dak iż-żmien ma kienx daqshekk mifrux.”


    Jgħallem u jagħmel il-karità

    Nazju Falzon għaqqad f’ħajtu b’mod sabiħ ħafna ix-xandir tal-Kelma ta’ Alla u l-ħidma ta’ karità. Hu uża t-talenti li Alla tah u t-taħriġ intellettwali tiegħu għas-servizz tal-ħidma kateketika. Kellu viżjoni sabiħa tal-formazzjoni kemm tat-tfal kif ukoll tal-adulti.  Kien jgħin mhux biss bit-tagħlim imma wkoll finanzjarjament. Kien jagħmel ħafna karità moħbija – jagħti flus lill-foqra, u jgħidilhom biex ma jgħidu lil ħadd.

    San Ġwanni Pawlu II hekk qal fuqu: “L-appostlu Pawlu kiteb li kull wieħed għandu jagħti skont ma jidhirlu hu minn rajh mhux fuq il-qalb jew bilfors għax Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ. Il-Beatu Nazju kien wieħed li ta bil-bosta u bil-qalb u n-nies raw fih mhux biss enerġija bla tarf imma wkoll paċi profonda u mħabba.”


    L-għejun li minnhom xorob

    Għal din il-ħidma tiegħu, u għall-ħajja kollha tiegħu, Nazju Falzon kien isib il-qawwa u l-ispirazzjoni tiegħu l-ewwel nett f’Ġesù Ewkaristija, kemm bis-sehem tiegħu fil-quddiesa kif ukoll bit-talb quddiem it-tabernaklu. Kien devot kbir ta’ Marija, u jitlob b’ħeġġa t-talba tar-Rużarju. U kien iħobb ħafna wkoll lil San Ġużepp.

    Il-Papa Ġwanni Pawlu II fisser dawn bħala l-għejun li minnhom xorob Nazju Falzon u għamel din l-istedina lill-Insara Maltin: “Dawn huma għejun ta’ grazzja minn fejn l-insara kollha jistgħu jixorbu. Il-qdusija u l-ħeġġa għas-Saltna ta’ Alla jitkattru speċjalment fejn il-parroċċi u l-komunitajiet iħeġġu t-talb u d-devozzjoni lejn is-sagrament imqaddes.”


    Mill-frott tagħhom tagħrfuhom

    Ġesù jgħid: “Mill-frott tagħhom tagħrfuhom.” Nazju Falzon għex ħajja li ħalliet ħafna frott sabiħ. Hu ma kienx saċerdot bħal tnejn minn ħutu, għax ried jibqa’ kjeriku wara li ħa l-Ordnijiet minuri fl-1831. Għaraf il-vokazzjoni tiegħu li jressaq diversi nies lejn Ġesù, speċjalment bil-ħidma tiegħu ta’ tagħlim.

    Fid­-dokumenti fuq il-hajja ta’ Nazju Falzon imħejjija għall-process  tal-Kanonizzazzjoni, insibu fatt helu dwar frott ta’ ħidma tiegħu – il-vokazzjoni ta' Patri Frangiskan Konventwal.

    Kien hemm familja ta’ nazzjonalità Irlandiża – il-familja Doyle – li kienet għadha kemm waslet minn Korfù u ġiet toqgħod Tas-Sliema. Mill-ewwel saret midħla ta’ Nazju Falzon. Kienu jmorru l-Belt, il-familja kollha, għal-laqgħat li hu kien jagħmel fil-Knisja tal-Ġiżwiti. Darba, wieħed mit-tfal ta’ din il-familja, Frederick, kellem lil Nazju Falzon biex jieħu parir dwar il-vokazzjoni reliġjuża tiegħu. Xtaq isir Franġiskan. Nazju segwa liż-żagħżugħ u ħadu fil-kunvent ta’ San Franġisk tal-Belt Valletta (Triq Irjali, illum Triq ir-Repubblika), u ħallieh f’idejn is-Superjur, Patri Pawl Anton Sillato, li kien saċerdot ta’ ħajja qaddisa. Eventwalment Frederick sar saċerdot. Il-bidu tal-vokazzjoni reliġjuża kien fil-laqgħat li kienu jsiru fil-Knisja tal-Ġiżwiti flimkien mas-suldati.

    Illum irroddu ħajr lil Alla ta’ Nazju Falzon. Nitolbu bl-interċessjoni tiegħu biex is-soċjetà Maltija jkollha nies bħalu kollhom ħeġġa biex iwasslu l-Kelma ta’ Alla, biex jgħinu lil dawk fil-bżonn, u biex jagħtu din ix-xhieda sabiħa tal-Fidi Nisranija wkoll mal-barranin.


    Joseph Galea-Curmi
       Isqof Awżiljarju