• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna


  • Il-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

    12 ta’ Lulju 2019

    Il-kelma li Ġesù uża llum propju fl-Evanġelju ta’ din il-ġurnata, jista’ jgħidha l-Kummissarju kull meta jibgħat lil xi ħadd fuq xi missjoni partikulari: “Qiegħed nibgħatkom bħal ngħaġ qalb l-ilpup. Kunu mela għaqlin bħas-sriep u safjin bħall-ħamiem” (Mt 10:16).

    Ħafna mill-missirijiet tal-Knisja rriflettew fuq dan il-kliem ta’ Ġesù. B’xi mod, l-ewwel parti hija  deskrizzjoni tal-kundizzjoni tal-Insara fost dinja li kultant hija ostili. Tant hu hekk li Ġesù ma jiddejjaqx jitkellem fuq il-persekuzzjoni. Il-kliemu jirrifletti wkoll l-ewwel esperjenza tal-komunitajiet bikrin meta l-lealtà lejn Ġesù ġabet ukoll firda fil-familji. L-ewwel persekuzzjonjiet kienu jimponu l-ikkonfiskar tal-proprjetà kollha tan-Nisrani mixli li huwa segwaċi ta’ Ġesù. Allura tistgħu tifhmu kemm kien hemm inkwiet fil-familji għax dan kien mod faċli biex takkwista ħafna wirt u ħafna ġid billi tixli li xi ħadd hu Nisrani.

    Min irid jgħix tajjeb se jsib min ifixklu.

    Għalhekk Ġesù jitkellem “dwar l-aħwa li jwasslu lil xulxin għall-mewt, il-missier lil ibnu, l-ulied lill-ġenituri tagħhom” (Mt 10:21). Dik kienet it-traġedja ta’ diversi familji fl-ewwel snin tal-persekuzzjonijiet. Kien hemm ukoll ir-regħba fin-nofs, mhux biss il-lealta lejn l-allat tal-Imperu. “Kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi” (Mt 10:22). Mhijiex xi ħaġa li tattira ħafna segwaċi imma Ġesù ma jaħbihiex. Anke meta Ġesù kien għadu tarbija ta’ 40 jum, kien hemm il-profezija fejn Xmun sejjaħlu “dawl għall-ġnus, glorja għall-Iżrael” (Lq 2:32) imma lil ommu jgħidilha “Dak għad ikun sinjal li jmeruh” (Lq 2:34).

    Min irid jgħix tajjeb se jsib min ifixklu. Din hija għażla li l-Korp tal-Pulizija jrid ikollu dejjem quddiemu: l-għażla li tissielet għall-ġustizzja u għat-tajjeb u tkun lest li tħallas il-prezz. Ħadd mhu se jċapċaplek għax tagħmel id-dover tiegħek, anzi jċapċpuhielek kif ngħidu bil-Malti. Ħadd mhu se jfaħħrek għax tagħmel id-dover tiegħek! Imma dik trid tkun il-glorja tal-Korp tal-Pulizija u tal-membri tiegħu; mill-ewwel rekluti li se jieħdu l-ġurament dalwaqt sal-Kumissarju tal-Pulizija. Kulħadd jaħdem għas-sewwa.

    Kultant ilkoll kemm aħna jkollna nħallsu prezz għoli għaliex nagħmlu d-dover tagħna.

    L-għaqal tas-sriep huwa li jadattaw għaċ-ċirkustanzi. Wieħed mill-għorrief tal-Knisja, Tertulljanu, jgħid: ‘X’inhu l-għaqal tas-serp? Li kull rebbiegħa jbiddel il-qoxra u jkollu qoxra ġdida biex ikompli jgħix’. Tertulljanu jagħmel ukoll osservazzjoni li hemm sriep li jibqgħu jgħixu sakemm ma taqtgħalhomx rashom. Jgħid ukoll: ‘Inti ħu ħsieb li rasek tkun f’Ġesù Kristu, il-bqija toqgħodx tinkwieta li se jikkalunkjawk, se jnaqqsulek mill-ġieħ, jew se jgħidu kontrik’.

    Kultant ilkoll kemm aħna jkollna nħallsu prezz għoli għaliex nagħmlu d-dover tagħna. Imma l-għażla trid tkun ċara: li ma tħares lejn wiċċ ħadd, li tagħmel dak li hemm bżonn tagħmel u tagħmlu b’sens kbir ta’ ġustizzja u ekwità. Għaliex aħna għandna bżonn korp tal-pulizija li jkun garanzija ta’ legalità għal kulħadd. Kull ċittadin għandu d-dritt jippretendi li l-Korp tal-Pulizija qiegħed hemm biex jiddefendih meta qiegħed fis-sewwa. Kull kriminal, hu min hu, għandu jippretendi li l-Korp tal-Pulizija se jgħin biex isseħħ il-ġustizzja.

    Is-soċjetà kollha għandha tgħin lill-pulizija biex issir ġustizzja …

    Għalhekk, nitlob u nawgura li l-Korp tal-Pulizija jkompli t-tradizzjoni qawwija li qatt ma jħares lejn wiċċ ħadd u li ma jieħu ordnijiet mingħand ħadd ħlief mingħand il-kuxjenza; ordnijiet li ġejjin minn dawk li jafu li qegħdin bħal “ngħaġ qalb l-ilpup” (Mt 10: 16). Kultant l-ilpup ikollhom ir-riżorsi; il-kriminalità tasal qabel l-Istat fir-riżorsi u l-Istat irid ilaħħaq magħha. Kultant hemm bżonn ngħinu lil xulxin. Is-soċjetà kollha għandha tgħin lill-pulizija biex issir ġustizzja għaliex il-kriminalità ħafna drabi tasal qabilna f’ċerti affarijiet. Imma aħna, jekk irridu nkunu ċiviltà vera mibnija fuq is-sewwa, għandna bżonn korp tal-pulizija li jiddefendi l-legalità mingħajr ma jħares lejn wiċċ ħadd.

    Ġesù ma joqgħodx ifissidna imma jgħidilna li qegħdin f’taqtigħa. Il-Papa Franġisku, meta kiteb dwar il-qdusija, tkellem ukoll fuq it-taqtigħa u t-taqbida tan-Nisrani biex jgħix ħajja tajba kontra l-egoiżmu tiegħu nnifsu, kontra l-ħażen ta’ madwaru, u kontra l-egoiżmu ta’ ħaddieħor.

    Ejjew nitolbu biex il-Mulej ikompli jidderiġi l-Korp tal-Pulizija li bħala motto għandu: Domine dirige nos. Mulej, idderiġina inti, agħtina inti d-direzzjoni imma ħarisna wkoll. Il-Mulej ikun il-ħarsien tagħkom. Jiena nixtieq nitlob ukoll għal min, minħabba x-xogħol tiegħu, ikollu jgħaddi minn diversi trawmi. Meta nisma’ b’omiċidji u sitwazzjonjiet trawmatiċi l-ewwel li naħseb ovvjament fil-vittma u l-qraba. Imma mbagħad fil-first responders, dawk li jridu jkunu hemm u jsibu ruħhom f’sitwazzjonijiet tassew diffiċli umanament, affarijiet li tant huma skabrużi u trawmatiċi li ma jħallukx kif tkun. Għalhekk, nappella lill-Korp tal-Pulizija apparti t-taħriġ, ikompli jipprovdi wkoll għajnuna psikoloġika lin-nies li biex jaqdu lill-pajjiż iridu jħabbtu wiċċhom ma’ sitwazzjonijiet umani diffiċli ħafna.

    Ħsibijieti jmur ukoll fil-familji tagħkom u nimmaġina li l-ġenituri, uliedkom, qrabatkom, jew il-maħbubin tagħkom, kultant igergru xi ftit minħabba xi xift jew l-overtime. Nixtieq ukoll nagħmel talba personali u partikulari għalihom. Lilkom, pulizija żgħażagħ, nixtieq nagħmlilkom kuraġġ. It-taħriġ ma jieqafx hawn. Nawguralkom ħafna anke għall-ġurament li se tieħdu minn hawn u ftit jiem oħra. Tinsewx li l-ġurament tagħkom qiegħed għal-lealtà lejn ir-Repubblika, lejn il-pajjiż. Tkunu ta’ ħadd, kunu għal kulħadd, kunu ta’ servizz għaċ-ċittadini kollha u għal dawk li jkunu fostna, b’sens ta’ lealtà u ta’ onestà.

    Fuq kollox nitlob il-barka fuq il-pajjiż tagħna biex ngħixu fis-sliem kif nitolbu dejjem fl-Innu Malti.

    I would like to greet our friends from Germany. Thank you very much for being with us in this very warm weather. I hope you enjoy your stay and you also feel welcome with your friends from Malta.

     Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta’ Malta  

    2

     Advanced issues found

    1


  • Il-Qari tal-Quddiesa:
    Qari I: Ġen 46, 1-7. 28-30
    Salm: 36 (37), 3-4.18-19.27-28.39-40
    Evanġelju: Mt 10, 16-23