• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna


  • Il-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

    24 ta’ Ġunju 2019

    Din is-sena ppermettuli noffri riflessjoni dwar uħud mill-atteġġjamenti li jindika San Luqa fir-rakkont tiegħu li għadna kemm smajna dwar it-twelid ta’ San Ġwann il-Battista.

    “Eliżabetta għalqilha ż-żmien li teħles u kellha tifel” (Lq 1:57). B’dawn il-kelmiet iseħħ bil-kliem ta’ Gabrijel lil Maria ta’ Nazaret: “Ara, il-qariba tiegħek Eliżabetta, fi xjuħitha, hi wkoll nisslet iben fil-ġuf” (Lq 1:36). Il-Madonna tħaffef lejn Għajn Karem, post li għadu sal-lum isaħħrek bil-ħlewwa tiegħu u mhux ’il bogħod minn Ġerusalemm. Hemmhekk taqdi u tgħin lil din il-mara li għad baqgħalha tliet xhur biex twelled. Aħna mbagħad nafu li bħal għada sitt xhur niċċelebraw it-twelid tal-Messija. Il-kalkoli tat-twelid tal-Battista u t-twelid tal-Mulej huma ideali, apparti li huma marbutin ukoll mal-istaġuni u b’xi mod maċ-ċiklu tax-xemx. Mhux ta’ b’xejn tradizzjoni antika ssejjaħ il-festa tal-lum bħala “Il-Milied fis-sajf”, The summer Christmas.

    L-ewwel reazzjoni u atteġġjament li jsemmi l-evanġelista huwa s-smigħ: “Il-ġirien u qrabatha semgħu li l-Mulej wera ħniena magħha” (Lq 1:58). Hija bxara tajba evangelion, evanġelju, dik li llum qegħdin niċċelebraw; l-aħbar it-tajba li Alla wera ħniena ma’ Eliżabetta u ma Żakkarija u li ta lil Iżrael profeta li kellu r-rwol importanti fit-tħejjija tat-triq tal-Messija. Nistgħu ngħidu li jekk irridu nsibu l-kobor ta’ San Ġwann il-Battista juri missieru stess fil-Kantiku ta’ Żakkarija (Benedictus) li jagħti s-sintesi tar-rwol tiegħu: “U int, tfajjel, tissejjaħ profeta tal-aktar Għoli, għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu u tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni Permezz tal-maħfra ta’ dnubiethom, mogħtija mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, li mill-għoli jiġi jżurna bħax-xemx tielgħa” (Lq 1, 76-78). 

    Mis-smigħ naslu għall-ferħ. Dawn huma wkoll atteġġjamenti li jixirqu lin-Nisrani u li llum il-Kelma ta’ Alla qiegħda twasslilna. Mis-smigħ ejjew ukoll nagħtu ħin għall-ferħ: “Marru jifirħu magħha” (Lq 1:58). Nistgħu ngħidu li l-ferħ tal-Evanġelju qatt mhu ferħ individwalista. Il-ġirien jiltaqgħu flimkien u jmorru għand Eliżabetta jifirħu magħha. It-twelid tal-Battista jġib dan il-ferħ li huwa sinjal li Alla qiegħed jaħdem fostna. Il-kelma ‘ferħ’ nerġgħu nisimgħuha fil-lejl tal-Milied bħal lum sitt xhur meta l-anġlu tal-Mulej stess jgħidilna: “Annuntio vobis gaudium magnum (“Qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir … illum, fil-belt ta’ David, twildilkom Salvatur, li hu l-Messija, il-Mulej” (Lq 2, 10-11)). Imma l-ferħ huwa stedina biex aħna ningħaqdu u nammiraw il-ħniena li Alla juri magħna.

    Il-Mulej juri ħniena wkoll mal-missier, hekk kif jikkonferma l-isem ta’ Ġwanni (Alla ħanin). Kulħadd jistagħġeb bil-fatt mhux biss li l-omm u l-missier ftehmu b’mod speċjali fuq l-isem tat-tarbija imma f’dan il-każ il-ġenituri qablu li jinsistu li isem it-tarbija jkun Johannan, Alla ħanin. Dan l-atteġġjament ta’ stagħġib jikber meta Alla jikkonferma l-ħniena li juri ma’ Żakkarja billi jerġa’ jinfetaħlu fommu. “Ilsienu nħall u beda jitkellem u jfaħħar ’l Alla” (Lq 1:64). Mela l-ewwel hemm l-istagħġib tal-komunità u mbagħad hemm il-profezija tal-missier li jitkellem u jfaħħar ’l Alla. Kemm għandna x’nitgħallmu minn Żakkarija aħna l-Maltin li ħafna drabi meta nitkellmu mhux dejjem infaħħru ’l Alla.

    Il-ġirien jgħaddu minn atteġġjament partikulari ħafna. “Qabadhom il-biża’” (Lq 1:65). Dan il-biża’ x’inhu? Għaliex huwa atteġġjament li ta’ min ninnutaw f’din il-festa? Ħafna drabi fl-Iskrittura l-biża’ hija r-reazzjoni tal-umanità quddiem id-Divin. Pietru wkoll quddiem Ġesu jinżel għarkobbtejh u jgħidlu biex jitbiegħed minnu u ma jistħoqqlux ikun qrib għax hu midneb. Ma ninsewx ukoll l-istedina tal-anġlu Gabrijel kemm lil Marija kif ukoll lil Żakkarija: “La tibżax”. L-istint tal-umanità quddiem l-esperjenza tal-qawwa divina hija l-biża’; mhijiex it-terrur imma d-don tal-Ispirtu li aħna wkoll insejħulu l-biża’ ta’ Alla.

    Kemm għandna bżonn dan l-atteġġjament aħna li qed nikbru f’soċjetà li kuljum tissekolarizza ruħha ftit iżjed u li tilfet dan l-atteġjament tal-biża’ tal-Mulej. Alla donnu ma għadu jbeżża’ lil ħadd. It-Taljani jgħidu cagnolino simpatico abaiia, ma non morde. Donnu Alla l-imbierek, biex nużaw lil-metamorfiżmu tagħna, sar dak il-pet sempliċi u simpatiku che abbaia delle volte ma non morde mai. Għalkemm Alla ma jitterrozzaniex, għax San Ġwann stess jgħid li “fejn hemm l-imħabba m’hemmx biża’”, il-biża’ ta’ Alla jibqa’ don tal-Ispirtu s-Santu. L-Ingliżi jittraduċuh, a sense of reverence imma hemm ukoll ċertu verità li jekk mhux it-terrur, jien lil Alla nibża’ minnu meta nagħtih il-post li jixraqlu, ma nabbużax mill-ħniena tiegħu u ma nippretendix li nagħmel x’nagħmel jgħaddi kollox. Kemm hi ħaġa sabiħa li niftakru li l-qaddisin kellhom sens delikat ħafna li ma’ Alla ma jiċċajtawx. Allura, jekk twiegħed xi ħaġa zzommha. Jekk timpenja ruħek għal xi ħaġa u b’Alla bħala xhud, għalik dik tkun kelma li torbot.

    “Bdew ixandru dawn il-ġrajjiet kollha mal-għoljiet tal-Lhudija” (Lq 1:65). Il-biża’ li ħassew dawn in-nies, huma u jirrealizzaw kemm hi qawwija l-id ta’ Alla, ma kienx biża’ li jipparalizza imma biża’ li jibdilhom f’evanġelisti. Min jieħu lil Alla bis-serjetà li tixraqlu ma jistax ma jxerridx l-Aħbar it-Tajba li rċieva. Min jieħu lil Alla bis-serjetà, għal min Alla mhuwiex żero kbir, bħalma kien iħobb jilmenta Dun Ġorġ Preca 60 sena ilu, meta kien jgħid li għal ħafna nies Alla huwa żero kbir. Mela li kieku Dun Ġorġ Preca kellu jitkellem illum x’jgħid? X’jgħid meta jħares lejn is-soċjetà tagħna? Una nullità! Imma min lil Alla jieħdu bis-serjetà u l-kelma li jagħti lil Alla għalih tkun kelma li torbot għax għandha x-xhud li jara u jifhem il-qalb, allura ma jkun hemm l-ebda poter ta’ din id-dinja u tal-ebda saltna li jimpedih milli jxandar il-Kelma.    

    Atteġġjament ieħor: “Kull min kien jismagħhom kien iżommhom f’qalbu” (Lq 1:66). Kemm hi sabiħa li aħna u nixtarru l-Kelma nżommuha f’qalbna. San Luqa jgħidha wkoll għal darba darbtejn dwar il-Madonna. Fl-istess Evanġelju ta’ San Luqa nsibu li l-Madonna iżżomm f’qalbha dak kollu li tisma’ u dak li tinnota. San Luqa japplikaha wkoll għal dawk in-nies li ltaqgħu ma’ Alla billi raw kif ħadem f’Eliżabetta bil-miraklu tal-maternità u fir-raġel tagħha bil-miraklu tal-paternita u l-fatt li dan li mmuta issa reġa’ rkupra l-vuċi. “X’ghad ikun dan it-tifel? U tassew id il-Mulej kienet miegħu” (Lq 1:66).  

    Jekk ikollna niġbru l-kobor ta’ Ġwanni l-Battista nifhmu li anke fil-ħajja tiegħu stess Ġwanni għex dawn l-atteġjamenti  li jiċċelebraw twelidu. Imma jekk irridu nifhmu x’jiġifieri r-rispett ta’ Ġwanni lill-Mulej u l-biża’ lejh, irridu nifhmu u naraw il-kuraġġ li wera quddiem Erodi u Erodijade meta ddenunzja l-adulterju tagħhom u ħalla rasu għall-verità. Jekk irridu nifhmu l-kuraġġ, il-lealtà u l-qdusija ta’ Ġwanni, ejjew nifhmu l-umiltà kbira tiegħu meta jgħid: “Jenħtieġ jikber hu u niċkien jiena” (Ġw 3:30). Quddiem dawn il-kliem, kull pretensjoni tagħna, kull suppervja tagħna, kull rankur jew rabja jinħallu bħas-silġ f’din ix-xemx. “Jenħtieġ jikber hu u niċkien jiena”. Nitolbu l-interċessjoni ta’ San Ġwann il-Battista biex jagħtina dan is-sens ta’ reverenza, venerazzjoni u ta’ biża’ ta’ Alla li permezz tiegħu aħna ma jkollna l-ebda problema li niċkienu biex fil-qalb tagħna jikber il-Mulej.

     Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta’ Malta 

    0

     Advanced issues found

     


  • Il-Qari tal-Quddiesa:
    Qari I: Is 49:1-6
    Salm: 138
    Qari II: Atti 13:22-26
    Evanġelju: Lq 1:57-66.80