A walk with a heart full of gratitude - The Auxiliary Bishop on the first anniversary from his episcopal ordination

  • L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi


  • Il-Knisja Parrokkjali, Ħal Balzan
    4 ta’ Awwissu 2019


    Waħda mill-mistoqsijiet li kemm-il darba smajt matul din is-sena kemm ili isqof hi: “Mela għadek timxi?” Ġieli niltaqa’ ma’ xi ħadd jien u ġej lejn il-knisja ta’ Ħal Balzan, jew meta mmur nimxi aktar ’il bogħod, u jistaqsini: “Mela għadek timxi?”

    Nifhem il-mistoqsija, imma r-risposta tiegħi hi: kemm ili isqof, iktar hemm bżonn nimxi, mhux inqas! Il-mixi jgħinni biex niċċaqlaq u għandi bżonn niċċaqlaq, l-eżerċizzju hu meħtieġ. Imma jgħinni wkoll għal diversi affarijiet oħra. Tlieta minnhom se nsemmihom illum.


    Il-mixi jgħinni biex ngħożż il-persuni

    Il-mixi jgħinni biex fit-triq niltaqa’ ma’ diversi nies, ġieli ma’ familji sħaħ, u ngħożż lil tant persuni li niltaqa’ magħhom. Kultant b’tislima, kultant nieqaf għal ftit tal-ħin, ġieli niltaqa’ ma xi ħadd li kont ili ħafna ma nara.

    Meta ngħaddi minn toroq differenti, nibda niftakar li hawn ħafna sabiħ u pożittiv fil-ħajja ta’ tant nies. Wara l-bibien magħluqa tad-djar, hemm tant stejjer ta’ mħabba, ta’ sagrifiċċji ta’ ġenituri għal uliedhom, ta’ nies li qed ifittxu li jaqdu bil-ferħ. Hemm ukoll tant tbatija ta’ nies li huma mweġġgħa jew li jinsabu waħedhom, kultant lanqas jistgħu joħorġu; ta’ nies li jixtiequ xi ħadd min jismagħhom jew min jerfagħhom mill-problemi li fihom jinsabu, jew li qed ibatu minħabba firdiet. Din kienet ukoll l-esperjenza tiegħi fil-familji li żort matul din is-sena, fil-mixja li għamilt fil-parroċċi meta kont għall-Viżta Pastorali.

    Jien u għaddej mit-triq, qalbi tinfetaħ għal tant stejjer li sirt naf bihom l-ewwel darba waqt il-mixi; jew nies li l-kuntatt magħhom beda b’tislima ta’ darba jien u għaddej fit-triq, u kiber u ssaħħaħ maż-żmien.

    Għalhekk fil-mixi niftakar dejjem li l-ħajja ta’ kull persuna, hi min hi, hi għażiża. Jien għal dawn ġejt ikkonsagrat isqof, u għal tant nies oħra. Lilhom irrid naqdi bil-ferħ. Magħhom irrid naqsam l-hena u l-ferħ, in-niket u t-tħassib ta’ ħajjithom. Irrid inkun preżenza ta’ inkoraġġiment u għajnuna lil tant nies. Fuq kollox irrid inwassal lilhom il-ferħ tal-Evanġelju u l-fidi f’Ġesù.


    Il-mixi jgħinni biex nitlob u nbierek

    Meta nimxi nipprova nitlob ukoll. Mhux faċli kultant tikkonċentra, ġieli trid tħares b’attenzjoni ’l fuq, ’l isfel, u naħa u oħra. Imma naraha tajjeb li nitlob jien u nimxi.

    Ħafna drabi ngħid talba għal dawk in-nies li joqogħdu fit-triq. Talba biex il-Mulej iħarishom u jżommhom fl-imħabba tiegħu. Ġieli ngħaddi minn toroq fejn naf li xi ħadd ikun għadu kif miet u l-familjari jkunu għaddejjin minn dulur kbir. Ġieli xi persuna li qed tistenna tarbija, u nitlob għall-familja u speċjalment għat-tnejn li huma, għall-omm u għat-tarbija – għax, kif tafu, aħna ngħidu l-omm qed tistenna tarbija, imma fil-fatt tkun qed tistennieha titwieled għax ġa tkun bdiet il-ħajja mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha. Ġieli tkun xi familja fejn xi ħadd daħal l-isptar, u naf li kuljum imorru l-isptar. U tant u tant stejjer oħra!

    Għalhekk nipprova nitlob għal dawn in-nies jien hu miexi. Dat-talb jgħinni biex nitkellem mal-Mulej imma wkoll biex ngħid kelma ta’ barka. Kemm naraha sabiħa meta nista’ ngħid kelma ta’ barka għal tant nies li jeħtieġu l-barka ta’Alla.


    Il-mixi jfakkarni li ħajjitna hi mixja

    Il-mixi fl-aħħar nett ifakkarni wkoll li ħajjitna hi mixja. Ġieli tlugħ, ġieli nżul, ġieli faċli, ġieli diffiċli imma ħajjitna hi mixja li trid twassalna għand il-Missier permezz ta’ Ġesù. Aħna mingħand Alla ġejjin, u għandu sejrin.

    Ħajjitna hi mixja li kultant mhix faċli, bħalma ġieli mhux faċli li timxi fit-triq. Kif tafu, ġieli tiltaqa’ ma’ ħafna ostakli, ikun hemm ħafna xogħlijiet għaddejjin minn triq għal triq. Dik hi l-ħajja tagħna wkoll. Hi mixja fejn niltaqgħu ma’ diversi sfidi li rridu nibdluhom f’opportunitajiet biex inħobbu tassew, biex naħfru, biex nagħmlu l-ġid.

    F’dil-mixja ta’ ħajjitna aħna għandna l-għajnuna tal-Kelma ta’ Alla u tal-Ewkaristija. Hawnhekk fil-knisja, quddiem Ġesù, jiena nqiegħed lil diversi nies li niltaqa’ magħhom u nitlob biex isibu fil-Mulej dak li jimla lil ħajjithom. Nitlob biex isibu lil Ġesù fil-quddiesa, speċjalment nhar ta’ Ħadd f’Jum il-Mulej, biex hu jagħtihom il-qawwa, il-forza u d-direzzjoni f’ħajjithom. L-ikbar sodisfazzjon fil-ħajja hu meta nista’ ngħin lin-nies jagħmlu esperjenza tal-imħabba ta’ Alla, fejn hu mbagħad jagħmel lilna strumenti tal-imħabba tiegħu.

    Meta niltaqa’ ma’ tfal żgħar, kultant anke waqt li miexi, nitlob li jsibu Knisja li tilqagħhom bil-ferħ – qed ngħid għall-Knisja bħala l-Poplu ta’ Alla kif ukoll għall-knisja meta jiġu hawn, ukoll meta jagħmlu xi ftit ta’ storbju. Ħa nirrakkontalkom x’qal darba Papa Franġisku meta kien għall-Viżta Pastorali fit-Turkija u kien qed iqaddes fil-Kattidral ta’ Istanbul. Kien hemm tifel żgħir li beda jgħolli leħnu waqt l-omelija tal-Papa, u l-ġenituri jinkwetaw, u l-Papa waqaf u qal: “Dak it-tifel qed jagħmel omelija isbaħ minn tiegħi!” Ġrajja sabiħa, u isbaħ għalina hawnhekk meta tkun taf li t-tifel kien Malti, li kien tgħammed hawn f’din il-knisja ta’ Ħal Balzan, kont għammidtu sena qabel jien.


    Ħasil tas-saqajn għall-mixja tal-ħajja

    Illum qalbi mimlija gratitudni lejn Alla u lejkom ilkoll għal din is-sena li għaddiet. Matul din is-sena, fil-missjoni tiegħi bħala isqof, żammejt dejjem f’moħħi u f’qalbi l-ikona ta’ Ġesù qed jaħsel saqajn id-dixxipli tiegħu b’dik l-attenzjoni u l-imħabba għal kull persuna, b’dak is-sens ta’ qadi li smajna daqshekk ċar illum fil-Kelma ta’ Alla. Meta ħaslilhom saqajhom, tahom l-aqwa preparazzjoni għall-mixja tal-ħajja.

    Illum nitlob lill-Mulej jagħtini l-grazzja tiegħu biex inkompli ngħożż il-ħajja bl-imħabba u nagħmel dan fuq l-isbaħ eżempju li għandna fil-parroċċa tagħna: Marija l-qaddejja ta’ Alla. Hija dik l-Omm li tieħu ħsiebna u tħarisna fil-mixja tal-ħajja. Għalhekk inħares lejha biex tkompli tkun ta’ ispirazzjoni għalija, u lejkom biex ngħidilkom: grazzi mill-qalb lilkom ilkoll.


    ✠ Joseph Galea-Curmi
        Isqof Awżiljarju