• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna


  • Il-Knisja Parrokkjali, Ħal Lija

    6 ta’ Awwissu 2019

    Dis-sena ir-rakkont tat-trasfigurazzjoni jagħtihulna l-evanġelista San Luqa, ħabib tagħna l-Maltin għaliex jagħtina wkoll ir-rakkont tal-miġja fostna tal-Appostlu Missierna fit-tieni ktieb tiegħu, l-Atti tal-Appostli.

    Il-kappillan, kif  beda jaqra r-rakkont, beda b’dawn il-kliem: “Ġesù ħa miegħu lil Pietru, lil Ġwanni u ‘l Ġakbu, u tala’ fuq il-muntanja biex jitlob” (Lq 9:28). Ir-rakkonti kollha tat-trasfigurazzjoni jindikaw lil dawn it-tliet appostli, lil Pietru u lil Ġwanni u Ġakbu (ulied Żebedew), it-tlieta li huma sajjieda minn Betsajda, bħala x-xhieda tat-trasfigurazzjoni. F’dan l-Evanġelju li għadna kemm smajna, San Luqa jagħtina dettall importanti u li nixtieq naqsam magħkom ftit riflessjonijiet fuqu. X’kien id-diskors li jirreferi għalih San Luqa u li huwa diskors tant importanti li San Luqa jgħaqqdu mal-esperjenza tat-trasfigurazzjoni, daqs tmint ijiem wara dan id-diskors? Ir-risposta ovvjament irridu nsibuha fl-istess Evanġelju ta’ San Luqa. U aħna nistgħu nibdew naqraw propju b’lura, qisek għandek ċagħqa li tfajtha f’għadira ilma u tagħmel dawk iċ-ċrieki. Nibdew minn ċirku qrib iċ-ċagħqa, noħorġu, u nsibu ċrieki ikbar.

    L-ewwel diskors li nsibu immedjatament qabel dan il-vers huwa propju fl-istess kapitlu – qegħdin fil-Kapitlu 9 ta’ San Luqa, vers 27: “Tassew, ngħidilkom, xi wħud minn dawk li qegħdin hawn ma jġarrbux il-mewt qabel ma jaraw is-Saltna ta’ Alla”. Daqs tmint ijiem wara dan id-diskors isseħħ l-esperjenza tat-trasfigurazzjoni. Mela l-ewwel konklużjoni hija li l-esperjenza tat-trasfigurazzjoni kienet neċessarja biex il-Mulej juri s-Saltna ta’ Alla lit-tliet xhieda magħżula, dik li aħna nitolbu għaliha fit-talba li għallimna Ġesù stess: “Tiġi saltnatek, ikun li trid int, tiġi saltnatek”. “Tassew ngħidilkom xi wħud minn dawk li qegħdin hawn ma jġarrbux il-mewt qabel ma jaraw is-Saltna ta’ Alla”. 

    Dak li jiddefinixxi min hu Ġesù, dejjem huwa maqgħud mal-esperjenza ta’ Ġesù jitlob.  

    Imma hemm ċirku ikbar li huwa ċ-ċirku tat-talb ta’ Ġesù. “Daqs tmint ijiem wara dan id-diskors Ġesù ħa miegħu lil Pietru, lil Ġwanni u ’l Ġakbu u tela fuq il-muntanja biex jitlob” (Lq 9:28). San Luqa huwa l-evanġelista li l-iżjed isemmi t-talb ta’ Ġesù u nistgħu ngħidu li għal San Luqa kull mument hu importanti u fundamentali. Dak li jiddefinixxi min hu Ġesù, dejjem huwa maqgħud mal-esperjenza ta’ Ġesù jitlob. Nistaqsi: Fejn niltaqgħu l-ewwel darba mal-Mulej, bħalma għamel fuq it-Tabor, qiegħed jitlob? Fl-istess kapitlu imma f’vers 18 insibu: “Darba, waqt li kien qiegħed jitlob waħdu, kien hemm miegħu d-dixxipli tiegħu, u hu staqsiehom: ‘Min jgħidu n-nies li jien?’ Huma weġbuh u qalulu: ‘Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, li qam wieħed mill-profeti ta’ l-imgħoddi.’ Qalilhom: ‘Imma intom min tgħidu li jien?’ Qabeż Pietru u qallu: ‘Inti l-Messija ta’ Alla’” (Lq 9, 18-20).

    Din id-domanda li Ġesù jagħmel lil sħabu f’dan il-mument ta’ talb jagħmilha lilna wkoll: ‘Intom, min tgħidu li jien? Jien min jien għalikom?’ Illum toħroġ bi ħrara kbira u b’ħeġġa, it-talba li għallimna San Ġorġ Preca: ‘Ġesù kun int għalina Salvatur’. Dik hi r-risposta tagħna. Meta l-Mulej illum jgħidilna: ‘Imma int x’taħseb li jien? Min jien għalik?’ Ejjew ma’ dan il-qaddis kbir Malti nirrispondu: ‘Ġesù int għalija s-Salvatur, kun int għalija s-Salvatur’, imma ma’ Pietru aħna ngħidulu: “Inti l-Messija ta’ Alla” (Lq 9:20), inti l-midluk ta’ Alla, inti l-Kristu ta’ Alla. Kif tafu l-kelma Messija hi ekwivalenti għal ‘Kristu’, hija ekwivalenti għal ‘midluk’. Inti l-Kristu ta’ Alla, inti dak li kien imwiegħed lill-ġnus, inti dak li se ssalva lil Iżrael.

    Ġesù jikkmandahom u jgħidilhom ħafna biex ma jgħidu lil ħadd b’dan. Din hija xi ħaġa li nixtieq ukoll naqsam magħkom. San Luqa jinsisti fuq dan is-satar kbir, dan il-misteru li jrid jinfirex fuq l-identità ta’ Ġesù. Pietru jesprimi l-fidi tal-komunità: “Inti l-Messija ta’ Alla” Imma hu jikkmandahom biex din il-ħaġa ma jxandruhiex. Għaliex? Għaliex l-idea tal-Messija li kellhom il-Lhud ta’ żmien Ġesù ma kinetx dik ta’ Messija li jsofri, ma kinetx dik ta’ Messija li jaħsel ir-riġlejn tal-appostli; kienet l-idea ta’ xi ħadd li se jeħlishom mill-jasar politiku tar-Rumani u li se jagħmel dominju Lhudi fiż-żona ġeografika li kienu jħaddnu.  

    Ġesù jibda jispjega b’diffikultà kbira loġika oħra. Hu jagħmel dan il-proċess magħna kontinwament għax kontinwament għandu bżonn jispjegalna din il-verità. “U qalilhom: ‘Jeħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, jiċħduh ix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum iqum’” (Lq 9:22). Din hi l-ewwel darba li Ġesù tkellem b’mod ċar ħafna għaliex jagħmilha tliet darbiet; hemm tliet tħabbiriet tal-mewt vjolenti tiegħu, u qed jagħmilha meta San Pietru, imdawwal mis-sema, jagħrfu bħala l-Messija. Ġesù, bħalma għamel anke quddiem it-tentazzjonijiet ta’ Satana, ma jridtx messjaniżmu spettakolari imma jrid jobdi r-rieda tal-Missier. “Dan hu l-ħobż tiegħi … li nagħmel ir-rieda ta’ Missieri”.

    Jekk irridu nimxu warajh, x’inhu s-salib tagħna?

    U lilna hekk għallimna nitolbu: “Tiġi saltnatek, ikun li trid int kif fis-sema hekkda fl-art” (Mt 6:10). Darba qal lil kulħadd: ““Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja” (Mk 8:34). Dak li qed jgħid li jrid ikun l-istil tal-ħajja tiegħu li ma jibżax mit-tbatija u l-mewt imma jħaddanha għas-salvazzjoni tagħna, japplikaha wkoll għalina. Jekk irridu nimxu warajh, x’inhu s-salib tagħna? Li niċħdu lilna nfusna u nerfgħu salibna kuljum. “Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi u ta’ l-Evanġelju, isalvaha.’ Xi prezz jista’ jagħti l-bniedem biex isalva ħajtu? Għax jekk xi ħadd, minn dan in-nisel żieni u midneb ta’ llum, għad jistħi minni u minn kliemi, Bin il-Bniedem ukoll għad jistħi minnu meta jiġi fil-glorja ta’ Missieru flimkien mal-anġli mqaddsa” (Mk 8, 35-38).

    Il-Mulej qed jgħallimna li aħna l-ewwel nett irridu nafdaw ħajjitna u xortina mhux f’dak li tagħtina d-dinja, imma fil-ħarsa ħanina tiegħu. Jekk m’għamel xejn Karlu Darmanin, tana ħarsa ta’ Ġesù straordinarja. Aħna in-nies ta’ Ħal Lija, imma mhux aħna biss, kull meta nħarsu lejn wiċċ l-istatwa ta’ Ġesù Salvatur ngħidu: ‘Kif se jkun fil-ġenna jekk hu sabiħ daqshekk hawnhekk? Kemm se jkun sabih iżjed fil-ġenna?’ Ġesù jinsisti fuq din il-glorja tiegħu, fuq is-sbuħija tiegħu imma jgħidilna li biex nimxu warajh ma rridux nibżgħu miċ-ċaħda, mit-tbatija, u mill-prezz għoli li tkun dixxiplu. Dietrich Bonhoeffer, Nisrani Protestant martri tal-verità, tkellem fuq the price of discipleship, il-prezz li tkun dixxiplu. Hu kien jilmenta fuq dik li kien isejħilha cheap grace, il-grazzja li aħna mingħalina niksbuha mingħajr taħbit u bi dritt. Il-Mulej, fl-iskola tat-trasfigurazzjoni, jurina l-glorja tiegħu imma l-glorja tiegħu mhix qiegħda hemm bħala loppju biex aħna ninsew ir-responsabbiltajiet tagħna. Ġesù jgħidilna li ħasra għal min jikseb id-dinja kollha u jintilef jew jinqered, ħasra għal min jistħi mill-kliem ta’ Ġesù.

    Il-Mulej, hu u jitlob, “id-dehra ta’ wiċċu tbiddlet u l-ilbiesi tiegħu saru ta’ bjuda li tgħammex” (Lq 9:29). Miegħu jidhru żewġt irġiel jitħaddtu: Mosè u Elija li dehru fil-glorja. Huwa San Luqa biss li jgħidilna fuq xiex kienu qegħdin jitkellmu; la San Mattew u lanqas San Mark ma jgħidulna. Imma San Luqa iżid dan id-dettall prezzjuż u għażiż fuq Mosè u Elija: “Dehru fil-glorja, jitħaddtu fuq it-tmiem ta’ ħajtu li kellu jseħħ f’Ġerusalemm” (Lq 9:31). Il-kelma li tintuża għal tmiem ta’ ħajtu fit-tradizzjoni tal-Evanġelju għal Latin li għamel San Ġlormu, hija l-kelma excessum, dicevant excessum eius. Excessus, għax l-akkużativ excessum,  huwa t-tmiem ta’ ħajja, il-ħruġ, huwa wkoll eċċess.

    Donnu għal San Ġorġ Preca d-dija, il-bjuda li tgħammex ta’ lbiesu, kienet espressjoni tal-eċċess tal-imħabba tiegħu għalina l-bnedmin … 

    Wieħed mill-awturi, Cornelius à Lapide, li huwa kkwotat ħafna għax għamel kummentarju estiż fuq l-Evanġelji, jgħid li hemm tliet sinifikati ta’ din il-kelma. L-ewwel nett il-ħruġ ta’ wieħed li ħiereġ għall-battalja, l-excessus, hemm excessus ta’ min joħroġ minn din il-ħajja, allura l-mewt, u hemm ukoll dak li ngħidulu aħna l-eċċess meta wieħed jagħmel xi ħaġa b’mod superlattiv. Cornelius à Lapide jgħid li fit-trasfigurazzjoni Ġesù qed jurina wkoll l-imħabba tiegħu. Hemm nota sabiħa ta’ San Ġorġ Preca meta jitkellem u jagħmel meditazzjoni fuq it-trasfigurazzjoni. Jgħid: ‘Fit-trasfigurazzjoni, il-Qalb ta’ Ġesù tħeġġet bin-nar tal-imħabba’. Donnu għal San Ġorġ Preca d-dija, il-bjuda li tgħammex ta’ lbiesu, kienet espressjoni tal-eċċess tal-imħabba tiegħu għalina l-bnedmin, tal-imħabba tiegħu għall-Missier, tal-imħabba tiegħu għal ħolqien kollu. Imma s-sinifikat profond huwa t-tifsira ta’ excessus imbagħad fit-tradizzjoni tal-Grieg exodon, dan l-excessus huwa l-mewt tiegħu, it-tmiem ta’ ħajtu.

    Min irid ifieq mill-vizzji, mill-ħakma tad-dnub, min irid jeħles mill-ħakma tax-Xitan, iħares lejn Ġesù.

    Jiena nixtieqkom taqbdu s-sunett li tqassam biex nurikom kemm kienu profondi missirijietna. Hemm għandna l-kurċifiss, is-salib tal-kleru, is-solenni. Intom tafu li dan is-salib għażiż għalina huwa wkoll it-trasfigurazzjoni għax hemm Mosè u Elija. Imma hemm kitba li tgħid hekk: en excessum (Dan huwa l-ħruġ tiegħu taħt is-salib). Għalhekk, min 300 sena ilu għamel dan il-kapolavur tas-salib tal-kleru tal-parroċċa tagħna, fehem li jekk irid jagħmel lil Ġesù msallab, fuq dak kienu qed jitkellmu Mosè u Elija fuq it-Tabor, u għalhekk żied il-kelma qaddisa u sabiħa: dan hu l-eċċess, l-eċċess ta’ mħabba t-tluq mill-ħajja, il-Mulej li jitqabad it-taqbida l-kbira kontra l-mewt u jirbaħ. En excessum.

    Importanti ħafna li aħna u nifirħu bis-solennità tat-Trasfigurazjoni, inħaddnu l-loġika ta’ Ġesù; Ġesù li qed jipprova jikkonvinċi lid-dixxipli tiegħu li kellu bżonn ibati. Infatti wara l-esperjenza tat-trasfigurazzjoni, Luqa jitkellem dwar eżorċiżmu qawwi li għamel Ġesù. Nistgħu ngħidu li l-ikbar eżorċiżmu, l-ikbar rebħa fuq ix-Xitan hija l-ħarsa tagħna fuq Ġesù. Min irid ifieq mill-vizzji, mill-ħakma tad-dnub, min irid jeħles mill-ħakma tax-Xitan, iħares lejn Ġesù. U fil-fatt wara l-kelma tal-Missier: “Dan hu ibni l-maħtur, lilu isimgħu” (Lq 9:35), Ġesù jinżel u raġel mill-folla refa’ leħnu u qallu: “Mgħallem, nitolbok ħares ħarsa lejn ibni għax lilu biss għandi” (Lq 9:38). Dik il-ħarsa ta’ Ġesù li tfejjaq mill-qawwa tax-Xitan. “‘Tlabt lid-dixxipli tiegħek biex ikeċċuh iżda ma setgħux’. Wieġeb Ġesù u qal: ‘Ja nies bla fidi u ħżiena kemm se ndum magħkom nissaportikom? Gibli lil ibnek hawn’. Huwa u riesaq ix-Xitan beda jsabtu u jkagħwġu mal-art. Imma Ġesù hedded ħafna lill-ispirtu mniġġez, fejjaq lit-tifel u reġa tah lil missieru u kulħadd tnixxef bil-għaġeb quddiem dan il-kobor liema bħalu ta’ Alla. Imma waqt li kulħadd kien qiegħed jistagħġeb b’kull ma kien kien jagħmel Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: ‘Iftħu widnejkom sewwa għal dawn il-kelmiet: Bin il-Bniedem għandu jkun mogħti f’idejn il-bnedmin’ Iżda huma ma fehmux dan il-kliem u baqa’ mistur għalihom hekk li ma qabdu xejn minnu u beżgħu jistaqsuh dwar dak li kien qal” (Lq 9, 41-45).

    Nistgħu ngħidu li San Luqa jpoġġi t-Trasfigurazzjoni bejn żewġ tħabbiriet tal-passjoni. Imma waqt it-trasfigurazzjoni stess jgħidilna li Mosè u Elija kienu qed jitħaddtu mal-Mulej fuq it-tmiem ta’ ħajtu. U kif għandna fis-salib tal-glorja għażiż tagħna, meta nitkellmu fuq it-tmiem ta’ ħajjet Ġesù, qegħdin nitkellmu fuqu msallab. “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja” (Mk 8:34).

    Meta l-Missier, minn sħaba, jgħid: “Dan hu ibni l-maħtur, lilu isimgħu” (Lq 9:35), mhu qed jagħtina l-ebda discount. Il-Mulej jinsisti biex noqgħodu attenti għal dan il-kliem u nisimgħuh. Hu l-Missier stess li jgħidilna biex nisimgħu lil ibnu u ma nibżgħux mit-tbatija tal-ħajja. San Ġorġ Preca kien iħobb jgħid: “Ġejna hawn għal erbat ijiem biex nieħdu paċenzja”. Il-paċenzja hi s-salib li trid iġġorr biex tgħix ħajja ta’ nies. Hemm barra jista’ jkun hemm diski oħrajn, kliem ieħor, prijoritajiet oħrajn, u loġiċi differenti, ta’ min għalih is-superman a la Nietzsche huwa dak li jrid isalva d-dinja u għalhekk jobżoq fuq il-wiċċ ta’ Ġesù għax Ġesù, għal Nietzsche u sħabu — li kienu l-ispiraturi tan-Nazziżmu — huwa bniedem dgħajjef, miskin, u ta’ min jitħassru, mentri hemm barra hemm min jeżalta l-qawwa, il-mibegħda u l-arroganza.

    Ħadd ma jista’ jkollu l-glorja tal-qawmien jekk jistħi mill-Mulej imsallab.

    Qed ninsew kemm dan id-diskors ġab niket, inkwiet u ħoloq romol fiż-żewġ gwerer dinija. Qed ninsew! U fostna qed jerġa’ jinbet — u anke bl-għajnuna ta’ xi ħadd bil-kullar — kliem li jweġġagħna. Imma aħna llum, f’riġlejn l-istatwa ta’ Ġesù Salvatur, irridu nwiegħdu lill-Mulej li nisimgħu l-kliem kollu tiegħu. Tajjeb nitpaxxew u naraw lis-Salvatur fil-glorja, imma l-kelma tiegħu hija l-Kelma tas-Salib, li hija t-tieqa u l-bieb miftuħin fuq il-qawmien.

    Ħadd ma jista’ jkollu l-glorja tal-qawmien jekk jistħi mill-Mulej imsallab. Ħadd ma jista’ jkollu l-glorja tal-qawmien jekk fil-proxxmu tiegħu, hu min hu, ġej minn fejn ġej, hu ta’ liema kulur ta’ ġilda hu, ma jarax lil Kristu li qal: “Kulma tagħmlu mal-iżgħar fost dawn ħuti, tkunu qed tagħmluh miegħi” (Mt 25:40). Dan huwa l-Evanġelju! Kull evanġelju ieħor huwa ħrafa; huwa anġlu tad-dlam imlibbes bid-dawl. Huwa għerq!

    “Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija” (Lq 9:33). Pietru ma kienx jaf x’inhu jgħid għax it-Trasfigurazzjoni huwa moment li jagħmlilna kuraġġ. Imma l-kuraġġ li jagħmlilna l-Mulej ma jaħbix ir-realtà tas-salib imma jittrasfiguraha, jagħtina l-qawwa nġorru l-piż tal-ħajja. U aħna li aħna dgħajfin u midinbin, li kultant nifhmu nagħmlu ħaġa u ma tiġix kif jixtieqha Ġesù, u nitolbuh maħfra, induru lejh u ngħidulu: ‘Ġesù, kun għalina int is-salvatur’.

    Flimkien magħkom ippermettuli naqra s-sunett li ktibt għal din is-sena:

    Fil-ħemda tal-għabex, fil-hena tal-kwiet
    Ġesù kien qed jitlob imdawwar bis-skiet.
    Madwaru d-dixxipli, b’ħarsithom ’il fuq
    “Min tgħidu li jien?” staqsiehom Ġesù.

    Inti l-Messija ta’ Alla l-Ħaj,”
    Qal Pietru li qabeż b’qalb tħabbat bil-ħajr.
    “Hemm bżonn illi nbati, li nisfa’ miċħud
    Li mmut għal kull bniedem fuq għuda mislub”.

    “Dan hu l-misteru li għandkom iżżommu;
    Hawn fostkom li l-Glorja se jilmħu u jdommu”.
    Hu tella’ lil tlieta fuq l-għolja tad-dija
    U tbiddel quddiemhom fi bjuda smewwija.

    U f’qalbhom il-leħen ta’ Alla mistur
    Sar kewkba ta’ fidi f’Ġesù Salvatur.

    Viva Ġesù Salvatur!

     Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta’ Malta  

  • Il-Qari tal-Quddiesa:
    Qari I: Dan 7: 9-10. 13-14
    Salm: 96
    Qari II: 2 Pietru 1: 16-19
    Evanġelju: Lq 9, 28-37