Watch: Agostinian sisters celebrate 125 years in Malta

  • Is-sorijiet Agostinjani qed ifakkru l-125 preżenza tagħhom f’Malta meta waqqfu l-ewwel dar f’Ħal Qormi bis-saħħa tal-Isqof Pietru Pace fis-6 t’Awwissu tal-1894. L-Isqof Malti diġà kien midħla tas-sorijiet Agostinjani ta’ Casa Madre, fl-Italja, fejn kienu jinsabu xi sorijiet Maltin. Hu xtaq jiftaħ skola mmexxija mis-sorijiet tal-istess ordni għall-ġid tal-poplu Malti. Dan seħħ bil-miġja tal-ewwel erba’ sorijiet li kienu: Sr Cleofe Uberti u Sr Angela Tagliaferri mill-Italja, u Sr Giuliana u Sr Paolina Debrincat minn Għawdex. F’Ottubru tal-istess sena nfetħet l-iskola.

    Tul dawn l-aħħar xhur saru diversi ċ-ċelebrazzjonijiet li jfakkru dan l-avveniment importanti, fosthom il-ftuħ taċ-Ċentru 16+, ċentru ġdid għaż-żgħażagħ, li jinsab qrib l-Iskola ta’ Santa Monika, il-Gzira. Ġiet inawguratha lapida bix-xbieha tal-Madre fundatriċi Maria Teresa Spinelli fil-bitħa tal-ewwel dar f’Ħal Qormi, u sar pellegrinaġġ ta’ ringrazzjament lil Alla u lill-Madonna, fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu, Għawdex, b’quddiesa mmexxija mill-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech.

    Fit-13 ta’ Ottubru se jittella’ festival kbir fil-btieħi tal-Iskola ta’ Santa Monika Birkirkara, li jmexxu l-istess sorijiet Agostinjani. Kulħadd mistieden għall-festival.