• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Knisja Parrokkjali, il-Ħamrun
    7 ta’ Awwissu 2019

    “Hieni l-bniedem li jqiegħed fil-Mulej it-tama tiegħu” (Salm 39 (40), 5a). Waħda mill-affarijiet li timpressjonak meta taqra u tirrifletti fuq il-ħajja ta’ San Gejtanu, hija propju l-esperjenza, bxara ta’ bniedem li fost sfidi kbar madwaru u fih innifsu, għaraf li jqiegħed it-tama tiegħu fil-Mulej.

    L-ewwel abbandun ta’ San Gejtanu f’idejn il-providenza huwa propju abbandun personali ħafna. Min ikollu x-xorti jaqra l-ktieb tiegħu – u aħna għandna traduzzjoni anke bil-Malti – tal-ittri li waslulna miktuba minn San Gejtanu, jimpressjona ruħu bl-umiltà profonda ta’ dan il-qaddis, l-umiltà li għalih ma jkollux diffikultà jagħraf id-dgħufija tiegħu. Bħalna San Gejtanu ġieli kien jiżloq fin-niexef, bħalma ngħidu aħna l-Maltin, u tgħallem li l-ewwel abbandun tal-bniedem huwa f’idejn il-ħniena ta’ Alla. “F’Alla biss il-mistrieħ ta’ruħi” (Salm 61(62), 2-3.6-7.8-9ab) jgħid is-salm għax mingħandu tiġini t-tama. Hu biss it-tama tas-salvazzjoni tiegħi u aħna nafu li s-salvazzjoni taslilna f’din il-ħajja permezz tal-ħniena.

    L-isqof għandu privileġġ speċjali li quddiem il-komunità jiddikjara li mhux dehen; meta l-isqof fl-Ewkaristija li huwa l-mument tal-ikbar verità, itenni lilu nnifsu bħala r-ragħaj tal-komunità, jgħid: ‘u jiena qaddej tiegħek mingħajr ma jistħoqqli’. Imma mhux għalhekk għandu jaqta’ qalbu l-isqof. L-isqof, fl-iskola tat-talb tal-Knisja, qed jitgħallem jafda fil-ħniena ta’ Alla. Ikun baħnan u mimli frugħa jekk jippreżenta lilu nnifsu quddiem il-komunità bħala xi ħadd qaddis iżjed minn ħaddieħor. Hu qaddej tal-ħniena ta’ Alla għall-poplu. Hu b’ħajtu u bid-dgħufija tiegħu jxandar il-bżonn tal-ħniena f’kull mument. 

    Ir-reazzjoni ta’ San Gejtanu ma kinitx ir-ribelljoni, imma kienet it-tfittxija ta’ riforma personali 

    F’waħda mill-ittri tiegħu San Gejtanu jagħraf kemm mhuwiex dehen imma fl-istess ħin jintelaq f’idejn il-ħniena ta’ Alla. Bħalma għallem l-għaref Papa Benedittu XVI liż-żgħażagħ f’wieħed mill-vjaġġi fil-Ġermanja, qalilhom: ‘il-qaddisin saru qaddisin fl-iskola tal-ħniena ta’ Alla.’ U hekk San Gejtanu ta’ Thiene. L-ewwel providenza li sab San Gejtanu kienet il-ħniena li Alla wera lill-qaddej tiegħu.

    U allura kull esperjenza personali kellu l-qawwa wkoll jaffaċċja f’Ruma, fil-Veneto u f’Napli sitwazzjonijiet fejn kellhom bżonn mhux biss il-ħniena ta’ Alla imma l-ħniena tal-bnedmin. F’Ruma fi żmien l-Papa Ġulju II meta hu kien protonotarju appostoliku u segretarju papali, kien iffaċċjat minn sitwazzjoni ta’ diffikultà kbira, ħa ngħiduha hekk. Ir-reazzjoni ta’ San Gejtanu ma kinitx ir-ribelljoni, imma kienet it-tfittxija ta’ riforma personali, imbagħad is-sħubija ma’ nies tal-istess ideat, li jibdew moviment intern ta’ tisfija, ta’ purifikazzjoni u ta’ qdusija.   

    It-Teatini, l-ordni li waqqaf hu, kibru bil-ftit il-ftit mhux mingħajr diffikultajiet. Fi tliet snin irnexxielu jsib 12 għax meta kien hemm propju l-inwkiet f’Ruma fl-1527 it-Teatini kienu ilhom imwaqqfin b’digriet papali tliet snin u sa dak iż-żmien kellu 12-il dixxiplu. U kellu jaħrab minn Ruma fl-1527, kif tafu, għaliex fl-irvellijiet tal-armata ta’ Karlu V, ġie ttorturat. Aħna ngħidu qala’ xebgħa kbira xebgħa papali, imma mhux biss u kellu jaħrab. Irritorna Ruma bil-ħeġġa li r-riforma trid tibda mill-qalb ta’ kull wieħed u hawnhekk titgħallem li għandna bżonn il-ħniena tal-Mulej u li faċli tiġġudika imma diffiċli ssaffi lilek innifsek. 

    Intom, fid-digriet li qralna Mons. Gatt il-Kanċillier, kellkom rassenja tal-ġid kbir li sar fit-territorju ta’ din il-parroċċa li mbagħad tqassam ma’ parroċċi oħrajn u li huwa x-xhieda tal-ispirtu li mexxa ’l San Gejtanu fil-Veneto u f’Napli. Qiegħed ngħid il-Veneto għaliex San Gejtanu meta kien għadu żagħżugħ mhux Venezja biss, imma Viċenza fejn kien jgħix u anke Verona. Kollha bil-‘v’: Viċenza, Venezja u Verona – bliet kbar li fi żmienu kellhom diffikultà kbira ta’ żgħażagħ li kienu qed jimirdu b’marda tittieħed, kontaġġjuża dak iż-żmien, li tisfigura l-wiċċ u l-ġisem u li tumilja lil dak li jkun, li l-baħrin ta’ Kristofru Colombo kienu ġabu magħhom lejn l-Ewropa – is-sifilde. Hu waqqaf dak li aħna nafuhom sal-lum bħala Le Case degli Incurabili.  

    Il-Ħamrun irid jibqa benniena ta’ solidarjetà, post fejn min hu mwarrab u batut, iħossu at home.

    San Gejtanu kien bniedem konkret fil-ħila tiegħu, kien bniedem konkret fl-abbandun tal-providenza ta’ Alla, kien bniedem attwali. Dan is-sens ta’ solidarjetà ma’ min huwa mwarrab, ma’ min tilef id-dinjità, solidarjetà li ma tiġġudikax, solidarjetà li ma tikkundannax, solidarjetà li taf tħenn, issalva u tagħti wens. Din hi t-tagħlima fundamentali ta’ San Gejtanu.

    U jekk intom tifirħu – u bir-raġun – għad-dinjità li ngħatat lill-parroċċa tagħkom, jiena nistidinkom li dan l-ispirtu ta’ San Gejtanu u ta’ ħafna nies twajba li żejnu t-territorju ta’ din il-parroċċa u maż-żmien ta’ oħrajn, ma jintilifx. Il-Ħamrun irid jibqa benniena ta’ solidarjetà, post fejn min hu mwarrab u batut, iħossu at home. U din hija responsabbiltà mhux żgħira.

    Għalhekk jiena nirringrazzjakom bħala komunità tas-sapport li tagħtu lil dawn il-missjonjiet differenti tal-komunità Nisanija. Dalgħodu kelli x-xorti nkellem lill-għeżież kollaboraturi tiegħi, lill-kappillani, u dejjem inħobb nirrepeti. Għax ikun hemm min jgħidli: ‘imma dan il-pjan pastorali x’inhu għad-djoċesi?’ U jiena ngħid żewġ kelmiet: l-Evanġelju u l-qadi. L-evanġelizzazzjoni u d-djakonija!  Ftakru f’dawn iż-żewġ kelmiet, xi jfissru? Li aħna, mqanqlin mill-Kelma t’Alla – kemm hi ċara l-Kelma ta’ Ġesù llum li nafdaw f’Alla, li ma naħlux ħajjitna ninkwetaw iżżejjed għax hu se jipprovdi dejjem – il-Kelma t’Alla li tkun r-ruħ tal-ħniena li nuru ma’ xulxin. Imma l-ħniena trid tkun ukoll imħabba konkreta.

    Fit-territorju ta’ din il-parroċċa arċipretali huwa monument tal-ħniena konkreta tal-Knisja għall- fqir u l-batut. U din hija glorja ta’ din il-parroċċa. Jekk aħna nitkellmu fuq l-evanġelizzazzjoni ma nistgħux ninsew tant saċerdoti li ħabirku għall-evanġelizzazzjoni ta’ dan il-post, fosthom San Ġorġ Preca, li għalkemm twieled il-Belt, ta’ tmien snin ġie hawnhekk u baqa’ hawnhekk. Veru miet fil-parroċċa ta’ Santa Venera imbagħad fl-1962. Imma baqa’ dejjem f’dawn l-akkwati. Min jaf kemm ġie f’din il-knisja, min jaf kemm talab u għandu u xi erba’ annedoti miċ-ċkunija fuq iċ-ċinta meta kien se jaqa’. Anzi meta s-sagristan qabdu u tah qatgħa billi dendlu miċ-ċinta ta’ din il-knisja għażiża. U anke xi daqqa ta’ siġġu ta lil xi ħadd ukoll, biex jgħallimha tagħlima imma mhux b’dawn is-siġġijiet li għandkom intom, għax kieku kienet tispiċċa l-isptar min kienet.

    Ma nafx jekk tafuhiex l-istorja imma darba kien hawn xi ħadd hawnhekk u kienet qed tgerger għax is-sagristan laqatha u qalilha: ‘U iva, billi laqtek b’siġġu?’ ‘Ehh!’ qaltlu. Qalilha: ‘Għid is-sliema u qaddisa, u se tgħid itlob għalina midinbin. Allura jekk inti qed tgħid li midinba, mhux hekk jistħoqqlok? Ma tridx nagħtik xi daqqa oħra?’ qalilha. ‘Le, sinur, le sinjur,’ qaltlu. Ovvjament is-sagristan kien qed jirranġa dawk is-siġġijiet tas-sogħda, konna ngħidulhom u laqatha, u ma ħallitux b’xejn ovvjament. U Dun Ġorġ taha din it-tagħlima. Għax aħna s-sliema u qaddisa ngħiduhom, imma donna mhux persważi meta ngħiduha: ‘itlob għalina midinbin issa u fis-siegħa tal-mewt tagħna’.  

    Semmejt ’il Ruma, semmejt il-Veneto, it-tliet ibliet bil-‘v’, Napli. Illum qaluli li għamlu festa kbira Napli, San Paulo Maggiore fejn San Gejtanu huwa midfun. U bir-raġun. Għaliex Gejtanu ta ħajtu lill-belt ta’ Napli; mhux biss miet hemm, imma ra l-pjaga tal-użura u qal: ‘jien irrid nagħmel xi ħaġa’. U hekk beda dak li aħna llum insejħulu ‘Il Banco di Napoli’: sistema ta’ self bl-imgħax raġjonevoli, mhux li jkisser lil dak li jkun. Il-qaddisin huma u jinterpretaw ’il Ġesù Kristu jsibu soluzzjonijiet ġodda għal problemi ġodda u aħna hekk irridu nkunu.

    Jiena nirringrazzja lir-rispettabbli Sindku tal-preżenza tiegħu, qed jirrappreżenta anke l-gvern lokali. Imma kemm hi ħaġa sabiħa li aħna naħdmu flimkien mas-soċjetà ċivili, aħna komunità Nisranija, biex l-ambjent uman ikun dejjem san, biex kulħadd iħossu at home. Jiena naf li pereżempju tilqgħu diversi barranin illum f’dawn l-akkwati u din hija sfida kbira! U aħna se jkollna l-intelliġenza, il-ġenerożità ta’ San Gejtanu biex nivvintaw kif lil dawn il-persuni nagħtuhom id-dinjità li jixraqilhom? Dejjem tirrispetta r-regoli u tal-liġi.

    L-aħħar kelma. Jien naf li tagħmlu festa sabiħa, mhux biss jien naf, Malta u Għawdex u d-dinja. Qed nieħu pjaċir li hawn ir-rappreżentanti anke tal-għaqdiet li mingħajrhom il-festa ma ssirx, ejjew naħdmu biex il-festa tkun tassew festa sabiħa. Qabel nieħdu deċiżjoni ngħidu: ‘San Gejtanu, kieku qiegħed hawn mal-mejda magħna x’jgħidilna? Meta jara ż-żgħażagħ tagħna għall-marċ, San Gejtanu x’jgħid?

    Kemm tkun ħaġa sabiħa li biex niċċelebrawh nidħlu fil-mod kif kien jaħseb hu. Tgħidulu: ‘dak qalbu safja ta mhux bħalna midinbin’. Bħalna kien, il-kastità mhux xi ħaġa infusa, titħabat biex tikber fiha, pass ċkejken wara pass ċkejken, kultant nogħtru u nerġgħu nibdew, hekk hu. Għalhekk aħna nirringrazzjaw lil Alla tal-virtujiet tiegħu: l-abbandun lejn il-providenza, is-safa tiegħu li tħabat għaliha f’ambjent mhux differenti minn tal-lum, l-umiltà tiegħu, il-faqar tiegħu li kienet għażla personali.

    San Gejtanu, bierek lil din il-parroċċa, u bl-interċessjoni tal-qaddisin kollha, idħol quddiem il-ħniena ta’ Alla u aqlgħalna l-grazzja li nixbhuk. Viva San Gejtanu!

     Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta’ Malta  

  • Il-Qari tal-Quddiesa:
    Qari I: Bin Sirak, 2: 7-13
    Salm: 111, 1-9
    Qari II: I Tim 6, 6-7, 17-19
    Evanġelju: Mt 6, 24-34