• ****

    Direttur:          James Bobin

    Atturi:              Isabela Moner, Eugenio Derbez, Michael Pena, Eva Longoria,  Jeff Wahlberg, Nicholas Coombe, Madaleine Madden, Temuera Morrison u Adriana Barrazza

    Ħin tal-Film:    102 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 PG

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      PG

    F’ġungla fil-Peru, tinsab tgħix Dora mal-ġenituri tagħha, Cole u Elena, esploraturi. Dora kienet tħobb tesplora u tmur mal-ħabib xadin tagħha, Boots u mal-kuġin Diego. Dawn it-tnejn kienu jimmaġinaw ħbieb li wkoll semmewhom Backpack u Map. Kienu jagħmlu ħilithom biex ma jħallux il-volpi ħalliel Swiper jagħmel li jrid. Meta Dora u Diego jaslu għall-età ta’ sebgħa u tmien snin, Diego kellu jħalli dawn l-avventuri biex imur lura mal-familja tiegħu ġewwa Los Angeles. Sadanittant, il-familja ta’ Dora baqgħu hemm jesploraw il-belt mitlufa Inca Parapata.

    Jgħaddu għaxar snin u l-ġenituri ta’ Dora li kien irnexxielhom jiddeċifraw is-sit ta’ Parapata, jiddeċiedu li jibgħatu lil Dora fl-iskola fejn kien jattendi Diego ġewwa L.A. waqt li huma bdew vjaġġ lejn il-belt mitlufa. Ġewwa l-ambjent ġdid li sabet fiha, Dora tiltaqa’ mal-istudenti Sammy u Randy. Diego, mhux dejjem kien jieħu pjaċir b’imġebitha.

    Waqt ħarġa f’mużew, Dora u oħrajn jitħajru jmorru f’parti tal-wirja li ma kinitx miftuħa għall-pubbliku. Hemm ġew inħatfu minn merċenarji li sifruhom lejn il-Peru. Meta jaslu, raġel bl-isem ta’ Alejandro, li qal li kien ħabib tal-ġenituri ta’ Dora, jgħinhom biex jaħarbu. Fil-proċess, il-merċenarji, bl-għajnuna ta’ Swiper jisirqu l-mappa li kellha Dora. Sadanittant, Alejandro jirrapporta li l-ġenituri ta’ Dora kienu jinsabu mitlufa u li l-merċenarji kienu qegħdin ifittxuhom bit-tama li jsiru jafu l-post ta’ Parapata u hekk ikunu jistgħu jisirqu t-teżori li kien hemm. Dora tirriżolva li ssib il-ġenituri tagħha. Sħabha wkoll kienu jittamaw li b’hekk huma jinħelsu. Il-grupp jaffaċċaw ħafna ostakli.

    Fl-aħħar Dora ssib il-ġenituri tagħha ‘l barra mill-fruntieri  ta’ Paramata. Hawn Alejandro jiżvela li hu kien qiegħed jaħdem mal-merċenarji. Wara din ir-rivelazzjoni, Alejandro jaħtaf lil kulħadd bhala pruġunieri. B’xorti tajba x-xadin Boots jgħin liż-żgħażagħ biex jaħarbu iżda sfortunatament, il-ġenituri ta’ Dora ma kienux daqshekk fortunati. Dora u sħabha jiddeċiedu li jagħmlu minn kollox biex jippruvaw isibu t-teżor fil-belt mitlufa biex hekk ikunu jistgħu jifdu l-ġenituri tagħha. X’jiġri minn hawn?

    Film Amerikan mimli avventuri li jħallik bla nifs, taħt id-direzzjoni ta’ James Bobin u kitba ta’ Tom Wheeler u Nicholas Stoller. Storja ħelwa, b’messaġġ pożittiv li għandu jogħġob lil ħafna. Ikun tajjeb li t-tfal iż-żgħar ikunu akkumpanjati minn xi adult minħabba xi xeni tal-biża’.