Christ is alive, an inspiration for the administration of Church Schools

  • Waqt ċelebrazzjoni reliġjuża fil-Katidral tal-Imdina, li saret nhar it-3 ta’ Settembru 2019, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ħeġġeġ lill-kapijiet tal-iskejjel tal-Knisja u l-edukaturi preżenti sabiex fil-ħidma edukattiva taghhom jimxu fuq il-linji gwida mogħtija minn Papa Franġisku fl-eżortazzjoni appostolika Kristu Jgħix

    L-Arċisqof ħeġġeġ lill-edukaturi biex jiffaċilitaw il-laqgħa tal-istudenti tagħhom ma’ Ġesù. Qal li l-edukaturi għandhom jaħdmu flimkien biex jikkomponu melodija u armonija li tkun attraenti u li ssaħħar liż-żgħażagħ lejH.

    “L-istruttura tal-edukazzjoni, tal-kultura li aħna ngħallmu u niċċelebraw flimkien mal-istudenti tagħna, huma lkoll mod ta' kif aħna nippromwovu, niffaċilitaw, ninkoraġġixxu u niċċelebraw il-laqgħa tal-istudenti u tal-familji tagħhom mal-persuna ta’ Ġesù. ’Il quddiem se tkun sfida kbira din, anki għaliex sfortunatament qed jikbru l-familji fejn mhux bilfors hemm ambjent fejn tgħaddi l-fidi. Il-ġenituri mhux bilfors ikunu lesti jew kapaċi jew iridu jgħaddu l-fidi. Allura l-iskola se tkun ukoll qasam essenzjali mhux biss fil-kultura tal-istudenti tagħna imma anki fl-evanġelizzazzjoni tal-istudenti tagħna.”

    L-Arċisqof irringrazzja wkoll lil dawk kollha preżenti tal-ħidma tagħhom b’mod partikulari lil dawk li rtiraw: Sr Antoinette Pace, Marisa Ellul u Manwel Micallef. Huwa rringrazzja wkoll lis-Sorijiet Agostinjani għal 125 sena ta’ ħidma edukattiva f’Malta.

    In-Nunzju Appostoliku Mons. Alessanrdro D’ Enrico informa lil dawk preżenti li l-kummissjoni konġunta dwar il-laptops għall-edukaturi fl-iskejjel tal-Knisja kkonkludiet il-ħidma tagħha u li fi ftit ġimgħat oħra se jitħabbar ir-riżultat ta’ dawn id-diskussjonijiet. Huwa rringrazzja lill-membri tal-kummissjoni li rrappreżentaw lill-Knisja: Fr Jimmy Bartolo, Fr Charles Mallia, Fr David Cilia u l-Avukat Robert Tufigno.

    Għal din il-laqgħa organizzata mis-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika kienu preżenti wkoll l-Isqof Mario Grech, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, kapijiet u superjuri reliġjużi tal-iskejjel tal-Knisja, u uffiċjali għolja tad-direttorati tal-edukazzjoni.

    Fi tmiem iċ-celebrazzjoni dawk preżenti ngħataw kopja tal-Eżortazzjoni appostlika tal-Papa Franġisku CHRISTUS VIVIT.


    Ritratti: knisja.mt/ritratti