• ****

    Direttur:          Andrea Di Stefano

    Atturi:              Joel Kinnarman,  Rosamund Pike, Common,  Ana de Amas, Clive Owen, Joanna Kaczyynska, Edwin de la Renta, Sam Spruell, Adam Orian  u Karma Mejer

    Ħin tal-Film:    113 min      

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15       

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      18

    Peter Koslow, wara li spiċċa bl-unuri kollha bħala suldat fis-sessjoni speċjali ta’ operazzjonjiet perikolużi, isib ruħu l-ħabs wara ġlieda li kellu għax ħass il-ħtieġa li jipproteġi lil martu Sofia. Wara li serva parti mis-sentenza, ingħata ċ-ċans li jinħeles mill-ħabs billi jaċċetta li jsir spjun f’isem l-FBI u juża’ l-ħila li kellu f’operazzjoni bil-moħbi biex jinqabad il-Ġeneral magħruf sew bħala l-ikbar kap fi kriminalità ġewwa New York. Għal dan il-għan hu jsir parti minn gang Polakk li kien imexxi d-droga.

    Sfortunatament għal Koslow, l-operazzjoni ppjanata mill-FBI ma waslet imkien tant li rriżultat fil-mewt ta’ wieħed mill-pulizija li kien qiegħed jieħu sehem fl-operazzjoni. Koslow stess nqabad fi sparar li seħħ bejn l-FBI u numru ta’ kriminali. Il-Ġeneral jinsisti ma’ Koslow li jieħu t-tort kollu hu billi jaċċetta li jerġa jidħol il-ħabs biex minn hemm ikun jista’ jibda imexxi operazzjoni ta’ traffikar tad-droga fil-ħabs stess. L-FBI jaqblu li Koslow jaċċetta l-proposta li kien għamillu l-Ġeneral li jerġa’ jidħol il-habs għaliex kienet l-unika triq biex jinstab minn kien fil-fatt il-moħħ wara t-traffikar tad-droga fil-ħabs u fl-istess waqt li Koslow ikun jista’ jżomm il-kuntatt li kien rrnexielu jwaqqaf mal-Ġeneral.

    Iżda din l-istrateġija kienet tfisser li Koslow kien sejjer jinqabad f’dinja li ma kienx hemm fiha wisq għażliet. Wara diskussjoni ma’ martu li xejn ma kienet taqbel ma’ dak propost mill-FBI u l-Ġeneral, jiddeċiedi iżda li jaċċetta li jidħol il-ħabs għalkemm kontra qalbu.  Fil-ħabs, Koslow isir jaf kif titħaddem is-sistema tat-traffikar tad-droga u jifhem aktar id-dettalji dwar min kien wara din l-operazzjoni kollha li kienet qed titwettaq bl-għajnuna minn barra. Koslow għalhekk jagħmel pjan biex jaħrab mill-ħakma ta’ tlett organizzazzjonijet l-aktar qawwija ġewwa New York: iċ-ċorma ta’ kriminali u min kien qiegħed warajhom, in-NYPD u l-FBI. Dan il-pjan ħass li kellu jagħmlu biex jeħles lilu nnfsu u l-familja tiegħu. Tgħid jirnexxielu jagħmel dan u kif?

    Film Brittaniku, dramm mimli azzjoni u eċċitament, taħt id-direzzjoni ta’ Andrea Di Stefano u  kitba ta’ Matt Cook msejjes fuq in-novella: Three Seconds ta’ Roslund/Hellstrom. Minħabba vjolenza mdemmija, trattament aħrax fil-ħabs, qtil bla ħniena u torturi kif ukoll kiem goff, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.