• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Il-Kappella tas-Sagra Familja, fl-Istitut Adelaide Cini, Sta Venera
    29 ta’ Settembru 2019

    Dejjem laqatni l-fatt li Ġesù meta jirrakkonta din il-parabbola, li għandha żewġ protagonisti, wieħed minnhom iħallih bla isem – l-għani – imma lill-fqir jagħtih l-isem tal-ikbar ħabib li kellu – ta’ Lazzru li mbagħad kellu wkoll iqajmu mill-imwiet. Donnu ried jgħidilna b’din l-għażla li Lazzru, li fil-ħajja tiegħu f’din il-parabbola kien abbandunat fost l-indifferenza ta’ min kellu biex u seta’ jgħinu, għal Ġesù kien ħabib qrib ħafna.  

    Jolqotni l-fatt wkoll li Abraham, missierna fil-fidi, il-missier spiritwali tal-poplu Lhudi, anzi minn ibnu Iżakk tnissel il-poplu Lhudi, Abraham jitkellem dwar fondoq qawwi li ma tistax taqsmu. “Hemm vojt bla qies bejnkom u bejna” (Lq 16:26). Dan il-fondoq, dan il-vojt bla qies jirrifletti l-għażla ta’ dak l-għani li bejnu u bejn Lazzru joħloq hu fondoq kbir. Kellu l-opportunità jnewwel idu, jgħin lil dan il-fqir jittallab barra mill-bieb ta’ daru, imma għażel li joħloq abbiss, fondoq.

    Ħafna drabi r-responsabbiltà tagħna hija kbira għaliex it-twissijiet li l-providenza tibgħatilna nagħtuhom bis-sieq.

    U l-parabbola ta’ Ġesù bi kliem sempliċi imma qawwi tgħallimna li fil-ħajja li ġejja aħna se nirċievu u se nsibu dak li nkunu żrajna hawnhekk. U ghalhekk huwa issa l-mument fejn aħna, meta niltaqgħu ma’ ħutna li tpoġġew biċ-ċirkustanzi ta’ ħajjithom jew poġġejniehom aħna wkoll, fil-periferija ta’ ħajjitna, inressquhom lejna għaliex meta jasal il-mument deċisiv ikun tard wisq.

    Jolqotni l-fatt ukoll li l-għani li huwa bla isem, jaħseb f’ħutu; ma kienx forsi raġel totalment ħażin, anke fl-eternità xtaq isalva lil ħutu billi jgħallimhom ma jagħmlux dak li għamel hu. Ir-risposta li jagħti Abraham hija tremenda: “Għandhom lil Mosè u l-profeti, jisimgħu lilhom” “Le, missier Abraham, imma jekk imur għandhom xi ħadd mill-imwiet, jindmu”. “Jekk ma jisimgħux lil Mosè u l-profeti anqas jekk iqum xi ħadd mill-imwiet ma jemmnu” (Lq 16:30-31).

    Ħafna drabi r-responsabbiltà tagħna hija kbira għaliex it-twissijiet li l-providenza tibgħatilna nagħtuhom bis-sieq. Din il-parabbola ta’ Ġesù ma tgħallimniex biss nieħdu ħsieb xulxin, imma wkoll li għandna responsabbiltà kbira tal-barkiet li rċevejna biex naqsmuhom mal-oħrajn. Aħna  bħala komunità Nisranija dan li qegħdin nagħmlu llum għax jekk ma naqsmux dak li ġie afdat lilna fejn is-soċjetà għandha l-iżjed bżonn, se jkollna min jiġġudikana.

    Nixtieq nirrepeti ħsieb li għedt diġà u nitlob skuża ta’ din ir-repetizzjoni, imma jolqotni l-fatt li dan il-bini nbeda minħabba l-kuraġġ ta’ mara li kellha isem u kunjom: Adelaide Cini. Ma kienet la soru, la isqof, la qassis. Il-ġid li kellha u li wirtet mill-ġenituri u mill-familja tagħha ħadmitu għall-bżonn li fi żmienha, 100 sena ilu u iżjed, kien urġenza kbira. Illum dawn l-ambjenti li jafu l-ħidma ta’ Adelaide qegħdin jiġu fdati lil lajċi li qegħdin jagħtu risposta kuraġġuża mimlija tama għall-urġenza kbira li għandna llum.

    Wasal iż-żmien ukoll li aħna nieħdu l-beatifikazzjoni ta’ Adelaide bis-serjetà għax din kienet fuq l-istess livell ta’ Adeodata u ta’ Nazju imma ma kellhiex min jimbuttaha, għax lajka

    Laqatni l-fatt ukoll jiena u naqra l-lapida li hemm fuq il-qabar tagħha li nġabet hawn miċ-Ċimiterju tal-Addolorata propju 100 sena fl-1919. Daqshekk ilha hawnhekk, 100 sena ilha midfuna hawnhekk Adelaide Cini. Kien il-predeċessur tiegħi Mawru Caruana, hemm ismu wkoll għax aħna l-isqfijiet inħobbu nħallu isimna kull fejn ngħaddu, li ddeċieda li tiġi hawn (allura ħalla ismu kbir daqs tagħha), imma mhux hu midfun, hi midfuna. Mawru mbagħad indifen, kif tafu, fil-knisja ta’ San Girgor f’Tas-Sliema.

    U ż-żewġ knejjes huma ta’ stil Romaniku għax dak kien l-istil għall-qalb l-Arċisqof Mawru Caruana. Li għandha sabiħ din il-kappella, li jiena nixtieq ukoll issir ċentru ta’ devozzjoni lejn Adelaide, għax din ma kellha ħadd jimbuttaha. Taf inti mingħajr qaddisin ma ssirx qaddis. Issa naħseb wasal iż-żmien ukoll li aħna nieħdu l-beatifikazzjoni ta’ Adelaide bis-serjetà għax din kienet fuq l-istess livell ta’ Adeodata u ta’ Nazju imma ma kellhiex min jimbuttaha, għax lajka. Jekk tgħiduli għaliex? Għax mhix soru u lanqas patri jew kleriku. Imma huwa importanti wkoll li aħna u nfakkru u nbierku l-inizjattiva tal-lajċi fil-komunitajiet tagħna, inbierku lil Alla tal-qdusija konkreta tagħhom, fost ħafna diffikultajiet u tentazzjonijiet.

    Kont qed ngħidilkom id-differenza bejn din u San Girgor –  li din hija mpittra kollha. L-arkitettura ta’ din il-knisja Romanika, unika u sabiħa hija, li hi wkoll mpittra. San Girgor huwa iktar sobriju imma l-knisja hi ikbar. U dan il-patrimonju kbir li għandna kemm hi ħaġa sabiħa li naqsmuh bejnietna.

    Kif jgħid l-Appostlu Missierna lil Timotju: “Inwissik quddiem Alla li jagħti l-ħajja lill-ħlejjaq kollha” (1Tim 6:13), inwissik biex tħares l-istituzzjonijiet li rċevejt” (v.14). Jolqotni llum u nieqaf b’dan il-ħsieb huwa t-titlu li Pawlu jagħti lill-Mulej “Inwissik quddiem Alla li jagħti l-ħajja lill-ħlejjaq kollha”. Dan it-titlu jfakkarna li l-ħajja li aħna ngħożżu hija don ta’ Alla, li hija fdata lilna, jalla nieħdu ħsiebha u nieħdu ħsieb xulxin.

     Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta’ Malta  

  • Il-Qari tal-Quddiesa:
    Qari I: Għam 6, 1a. 4-7
    Salm: 145 (146), 7.8-9a.9bċ-10
    Qari II: 1 Tim 6, 11-16
    Evanġelju: Lq 16, 19-31