• L-iffirmar ta’ tiġdid ta’ ftehim bejn l-Arċidjoċesi ta’ Malta u s-Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, biex jiġu pprovduti servizzi residenzjali għall-anzjani fid-Djar tal-Knisja. Dan il-ftehim għall-perjodu ta’ tliet snin jistabbilixxi x-xiri ta’ 181 sodda, li minnhom 167 sodda ser jintużaw għal kura residenzjali fit-tul, filwaqt li 14-il sodda ser jintuzaw għal servizzi ta’ respite għal anzjani b’dipendenza għolja u medja.

    Il-ftehim ġie ffirmat mill-Vigarju Episkopali għad-Djakonija, Mons. Charles Cordina, u mid-Direttur tad-Djar tal-Knisja għall-Anzjani, André Vassallo Grant, u mill-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva, Dr Renzo De Gabriele, fil-preżenza tas-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, Michael Pace Ross, u s-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, l-Onor. Anthony Agius Decelis.  

    Mons. Charles Cordina, il-Vigarju Episkopali għad-Djakonija, qal li l-Knisja dejjem tfittex li tgħin lil dawk fil-bżonn, bħal ma tagħmel ukoll mal-anzjani li jkollhom bżonn l-assistenza biex jgħixu bid-dinjità li jixirqilhom. Mons. Cordina qal li l-ftehim li qed jiġi ffirmat mal-Gvern ser jgħin biex tkompli titjieb l-kwalità tal-ħajja tar-residenti fid-djar u sabiex l-anzjani li jiġu magħżula bi kriterji ġusti jingħataw post fid-djar tal-Knisja. Huwa rringrazzja lis-Segretarjat Parlamentari tax-xogħol li sar biex jintlaħaq dan il-ftehim, u wkoll lil dawk kollha li jaħdmu fil-qasam tal-kura tal-anzjani.

    Michael Pace Ross, Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, tkellem dwar l-investiment li qed isir mill-Knisja kemm fir-riżorsi umani kif ukoll fil-bini u l-infrastruttura tad-djar għall-anzjani, dan bil-għan li l-persuni li jgħixu f’dawn id-djar jingħataw l-aħjar kura u servizz possibbli. Ħabbar li f’Casa Leone, San Ġiljan, ser jinbena sular ieħor, filwaqt li f’Dar Saura, ir-Rabat, u f’Dar Sant’Anna, l-Isla, ser isir proġett estensiv ta’ ristrutturar u rinovar. Qal li fil-ġimgħat li ġejjin ser tinħatar maniġer ġdida f’Holy Family Home, in-Naxxar, filwaqt li l-ħaddiema fid-djar tal-Knisja għall-anzjani ser igawdu minn titjieb fil-kundizzjonijiet tagħhom permezz ta’ Ftehim Kollettiv ġdid. Is-Sur Pace Ross qal ukoll li l-Knisja qed toffri servizz ta’ respite f’żewġt idjar tagħha.

    .