• Il-Ġimgħa 27 ta’ Settembru l-Arċisqof Charles J. Scicluna bierek u inawgura n-New media Centre, fil-Blata l-Bajda, il-bini minn fejn isir ix-xogħol tal-media tal-Knisja, inkluż l-istazzjon tar-radju ‘103’ u newsbook.com.mt.

    L-Arċisqof żar l-istudios fejn seta’ jara x-xogħol ta’ rinovar u l-investiment f’tagħmir ġdid, kif ukoll iltaqa’ mal-impjegati li jaħdmu fir-radju u fil-portal tal-aħbarijiet.

    Il-messaġġ tal-Arċisqof

    “Il-kuntest huwa kompetittiv ħafna u jiena naħseb l-għażla li għamilna hija wkoll għażla ta’ tama, f’kuntest ta’ sfidi, jiġifieri jiena nixtieq li nagħmel kuraġġ lil kulħadd u nagħmlu ħilitna biex il-media tal-Knisja, imma b’mod speċjali l-103 u anke Newsbook ikunu strument ta’ tama u strument taċ-ċiviltà, tal-imħabba u lingwaġġ li jkellem lil kulħadd.”