Mattew 13,24-30

Ġibilhom parabbola oħra u qalilhom: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed raġel li żara’ żerriegħa tajba fl-għalqa tiegħu. Iżda xħin in-nies kienu reqdin, ġie l-għadu tiegħu, żara’ s-sikrana qalb il-qamħ u telaq. Meta mbagħad il-qamħ nibet u ħareġ is-sbul, tfaċċat ukoll is-sikrana. Resqu l-qaddejja fuq sid l-għalqa u qalulu, ‘Sinjur, int mhux żerriegħa tajba żrajt fl-għalqa tiegħek? Mela dis-sikrana mnejn ġiet?’ Iżda hu qalilhom, ‘Dil-biċċa għamilhieli xi għadu tiegħi.’ ‘Tridx immorru niġbruha?’ qalulu l-qaddejja. ‘Le,’ qalilhom, ‘għax intom u tiġbru s-sikrana għandkom mnejn taqilgħu magħha l-qamħ ukoll. Erħulhom jikbru t-tnejn flimkien sal-ħsad; meta mbagħad jasal il-ħsad, ngħid lill-ħassada: ‘Iġbru s-sikrana l-ewwel, u orbtuha qatta qatta għall-ħruq, mbagħad qiegħdu  l-qamħ fil-maħżen tiegħi.’ “