Il-Papa Benedittu XVI se jaħtar rappreżentant għall-Gvern tal-Vjetnam bħala l-ewwel pass biex eventwalment ikunu stabbiliti relazzjonijiet diplomatiċi sħaħ mal-pajjiż komunist. Dan ħabbru l-Vatikan.

Wara laqgħabejn rappreżentanti tal-Vatikan u tal-Vjetnamm fl-aħħar ġimgħa ta’ Ġunju fil-Vatikan stess, stqarrija qalet li b’differenza minn Nunzju, ir-rappreżentant tal-Vatikan mhux se jkun residenti l-Vjetnamm għalissa. Il-laqgħa tal-grupp konġunt ta’ ħidma bejn iż-żewġ naħat kien immexxi minn Mons Ettore Balestrero, sotto-segretarju tal-Vatikan għar-relazzjonijiet nejn il-pajjiżi differenti, flimkien mal-Viċi Ministru tal-Vjetnamm għall-Affarijiet Barranin, Nguyen Quoc Cuong.

Il-laqgħa tal-aħħar ta’ Ġunju kienet it-tieni inkontru ta’ dan il-grupp konġunt ta’ ħidma. Il-laqgħa saret madwar sitt ġimgħat wara li rriżenja l-Arċisqof ta’ Hanoi, fost għajdut li dan sar fuq rakkomandazzjoni tal-gvern Vjetnamiż lill-Vatikan. L-Arċisqof ċaħad li kellu xi forma ta’ pressjoni biex jirriżenja, wara li talab lill-kattoliċi fl-2007 sabiex jitolbu li l-Gvern ireġġa n-nunzjatura appostolika lill-Knisja.

AsiaNews, aġenzija kattolika tal-aħbarijiet ibbażata f’Ruma,qalet li l-Arċisqof irriżenja minħabba li l-Gvern Vjetnamiż għamel din kundizzjoni biex jiddiskuti r-relazzjonijiet diplomatiċi bejn iż-żewġ naħat.

VATICAN CITY (CNS)