.

.

.

.


Hija prattika komuni li l-ħaddiem huwa ntitolat għall-Jum ta’ mistrieħ, u dan id-dritt huwa mħares b’liġijiet apposta li jittrattaw il-kundizzjonijiet tal-ħaddiem. Hawn Malta wkoll għadna din il-norma ta’ Jum ta’ mistrieħ il-Ħadd, li ġiet msaħħa maż-żmien mill-influwenza tal-ħakma ingliża f’Malta. L-istatuti ngliżi li kienu bbażati mill-liġi kanonika u l-Liġi Rumana kienu jipprojbixxu x-xogħol u attivijiajiet kummerċjali fil-Jum tal-Ħadd. Dawn il-liġijiet ta’ osservanza tal-Jum tal-Ħadd (projbizzjoni tax-xogħol u negozju l-Ħadd) huma misjuba sa minn żmien l-Imperatur Ruman Kostantinu (321) li jagħmlu eċċezzjoni għal ċertu xogħol umanitarju. Dejjem kien hemm f’dan ir-rigward l-eċċezzjoni ta’ xogħol ta’ karita’ li jsir mhux għall-qliegħ imma bħala solidarjeta’ ma’ min hu fil-bżonn.

Ta’ min isemmi argument li kienu semmew ‘The Trades and Labour Congress’ fis-sena 1950 fejn jingħad: ‘Hija l-opinjoni tal-kungress li ma hemmx neċessita għax-xogħol il-Ħadd. Il-ħaddiema għandhom d-dritt u mhux privileġġ li jkollhom il-Ħadd għalihom, il-Ħadd kien magħmul għall-bniedem, għalhekk nħeġġu biex inkomplu nirsistu biex fil-Jum tal-Ħadd ma jkunx hemm xoghol. Naħsbu ftit jekk sitt persuni jaħdmu sebat ijiem ikunu qegħdin jagħmlu ix-xogħol li sebat’ irġiel jagħmlu f’sitt ijiem, għalhekk sitt ħaddiema li jaħdmu il-Ħadd ikunu qegħdin jieħdu il-ħobża ta’ kuljum minn ħaddiem ieħor.’ Dan il-mod ta’ xogħol lanqas ma hu tajjeb għall-istess employer għax is-sebat’ ijiem ikunu b’rata ta’ ħlas aktar għolja u wkoll l-għeja tnaqqas l-effiċjenza.

L-Organizazzjoni Dinjija tax-xogħol min-naħa tagħha fil-1921 f’konvenzjoni tgħid li kull ħaddiem għandu jkollu 24 siegħa konsekuttiva ta’ mistireħ fil-ġimgħa u meta jkun possibli jingħata lill-ħaddiema kollha f’daqqa u jittieħdu in konsiderazzjoni il-kostumi u tradizzjonijiet tal-ħaddiem.

Il-Ħadd huwa Jum Soċjali Wkoll

.

Il-Ħadd għandu jkun jum ta’ mistrieħ mhux jum ta’ xogħol ieħor. Il-bniedem għandu bżonn ta’ ħin fejn jistrieħ u dan huwa bżonn għas-saħħa tal-bniedem. Il-ħin tal-mistrieħ għall-ħaddiem għandu jkun parti mill-istil ta’ ħajtu, parti inevitabbli. F’dan il-mument ta’ mistrieħ il-bniedem ikun jista’ jirrifletti fuq il-ħajja tiegħu, jinsa u jwarrab l-isforzi (stress) li jkollu fix-xogħol. Meta wieħed jagħraf jistrieħ, jara aħjar l-iskeda diffiċli tal-ħajja tax-xogħol, jagħraf aktar hu min hu, ma jibqax f’dik il-burdata li jaħseb li irid jikkontrolla kollox, iħossu ahjar u aktar mistrieħ u jkun lest għall-ġimgħa xogħol ieħor.

Jum il-Mulej fit-Tagħlim tal-Knisja

.

Illum aktar mill-bieraħ, fil-ħajja mgħaġġla tagħna qegħdin ninsew l-importanza assoluta tal-mistrieħ, u dan il-bżonn dejjem fakritulna l-Knisja. It-tagħlim soċjali tal-Knisja jgħidilna li l-mistrieħ huwa dritt (Gaudium et Spes). Alla straħ fis-seba’ jum wara li ħadem għal sitt ijiem (Gen 2.2) għalhekk anke l-bniedem li hu maħluq xbieha ta’ Alla għandu jgawdi mistrieħ xieraq u jkollu ħin liberu biex jieħu ħsieb il-familja, il-ħajja kulturali u soċjali u reliġjuża tiegħu (Gaudium et Spes). Għal dan il-għan ġie magħżul Jum il-Mulej (Katekiżmu tal-Knisja).

Fil-ħdud u fi ġranet oħra tal-obbligu, l-insara għandhom joqogħdu l-bogħod milli jagħmlu xogħol jew attivita’ oħra li tfixkel it-tifħir mistħoqq li għandna nagħtu lil Alla f’dawn il-jiem, jew li jfixkel milli nuru ħniena mal-proxxmu u wkoll milli nserrħu l-moħħ u l-ġisem (Katekiżmu tal-Knisja).

Il-Ħadd għandna nqaddsuħ bl-opri tal-karita’ li nagħmlu u billi niddedikaw ħin għall-familja u qraba oħra, b’mod speċjali l-morda u l-anzjani. Il-Ħadd huwa wkoll tajjeb għar-riflessjoni, studju, u meditazzjoni tal-ħajja tagħna fis-skiet. Fl-istess ħin l-istess katekiżmu jfakkarna li f’dan il-jum ma nistgħux ninsew lil dawk ħutna li għandhom l-istess bżonnijiet u drittijiet tagħna u li minħabba l-faqar u miserja li qegħdin fiha ma jistgħux jistrieħu l-Ħadd.

Illum qegħdin nistraskuraw il-ħin għat-tiġdid spiritwali tagħna, u filwaqt li fil-jum tal-Ħadd għandna nagħtu importanza lill-familja u lill-foqra, xorta ma għandniex ninsew nħallu ftit ħin għalina biex fis-skiet niltaqgħu mal-Mulej.

L-awtoritajiet pubbliċi għandhom id-dmir li jisguraw, li minħabba l-produttivita’ ekonomika ma jiġux imċaħħda liċ-ċittadini il-ħin għall-mistrieħ u għat-tifħir l’Alla. Dan jgħodd b’mod speċjali għal min iħaddem. (Rerum Novarum).

L-insara b’rispett lejn il-liberta’ reliġjuża u għall-ġid komuni għandhom jirsistu biex kemm il-Ħdud u kemm  il-jiem  qaddisa  tal-Knisja  jiġu  magħrufa  bħala  btajjel legali. “L-insara għandhom ikunu ta’ eżempju għal kulħadd bit-talb u l-ferħ tagħhom f’dan il-jiem, u għandhom jiddefendu t-tradizzjonijiet tagħhom bħala kontribuzzjoni prezzjuża għall-ħajja spiritwali tas-soċjeta (Katekiżmu tal-Knisja). Il-Katekiżmu tal-Knisja jħeġġeġ lill-insara biex jaħdmu biex is-soċjeta’ tagħna tibqa’ reliġjuża u spiritwali.

Il-Ħadd huwa Jum ta’ mistrieħ imma minħabba bżonnijiet soċjali hemm setturi ta’ ħaddiema li jidħlu għax-xogħol il-Ħadd ukoll, fost l-oħrajn insemmgħu lis-sezzjoni tas-saħħa, turiżmu, transport pubbliku u sigurta pubblika.

Il-Katekiżmu tal-Knisja numru 2187 jgħid hekk f’dan ir-rigward: Il-qdusija tal-Ħadd u tal-Ħdud imqaddsa jitolbu minn kull nisrani impenn komuni. Kull nisrani għandu jevita li jġiegħel lil ħaddieħor jaħdem u hekk itellef milli josserva l-Ħadd, Jum il-Mulej. Hemm attivitajiet tradizzjonali u bżonnijiet soċjali li jġegħlu lil xi wħud jaħdmu l-Ħadd, imma kulħadd għandu jieħu ħsieb li jkollu ħin suffiċjenti għall-mistrieħ.

In-nisrani għandu jara li flimkien ma min iħaddmu  jkun  hemm ftehim li jekk isir xogħol il-Ħadd, u dan ikun xogħol indispensabbli, xorta irid ikun hemm ħin ta’ mistrieħ, inkluż ħin biex wieħed jaqdi d-dmirijiet reliġjuzi tiegħu.

Il-Mistrieħ hu Bżonn għal Kulħadd

.

Meta nitkellmu fuq saħħa, ma nkunux qegħdin nifhmu saħħa fiżika biss imma kif kienet fissret il-kummissjoni għat-titjieb tas-saħħa mentali, is-saħħa fiżika tmur id f’id mas-saħħa mentali. L-Organizazzjoni Dinjija tas-Saħħa meta tiġi biex tfisser x’inhi saħħa mentali tgħid: ‘stat ta’ għixien tajjeb fejn dak li jkun jagħraf l-ħiliet tiegħu, ikun jista jlaħħaq mal-istress li ġġib magħha l-ħajja, jkun jista’ jaħdem u jkun jista jagħti l-kontribuzzjoni tiegħu lis-soċjeta’. Studju aktar riċenti li sar mid-Direttorat Generali tas-saħħa u l-konsumatur jgħid li s-saħħa mentali hija affetwatha minn policies li jolqtu l-ħajja tal-familja, is-saħħa mentali tinkludi fiha l-abilita’ li dak li jkun jieħu sehem fil-ħajja soċjali tiegħu, u s-saħħa mentali tiġbor fiha wkoll l-ħila li dak li jkun jikber spiritwalment ukoll. Dan l-istudju jaqbel ħafna mal-argument li l-Ħadd mingħajr xogħol huwa mportanti għas-saħħa sħiħa tal-ħaddiema.

Il-Ħadd huwa Jum tal-familja. Il-Ħadd aktar minn ġranet oħra huwa l-Jum tal-familja meta tara li l-iskejjel u d-dipartimenti tal-gvern huma magħluqa u b’hekk f’dan il-Jum tal-Ħadd il-familja dejjem ingħaqdet flimkien. Skond l-artiklu 10 tad-direttivi tal-Kunsill tal-Ewropa (22 ta’ Gunju 1994) il-Ħadd huwa l-jum ta’ mistrieħ għat-tfal u għaż-żgħażagħ. Imma jekk il-missier ikollu l-jum ta’ mistrieħ it-Tnejn u l-omm l-Erbgħa kif nistgħu aħna ngħaqdu l-familja meta fl-istess hin qegħdin ngħidu li l-Ħadd għandu jkun il-jum ta’ mistrieħ għat-tfal.  Il-Ħadd  huwa  jum  soċjali  għall-ħaddiem  fejn  jista  jipparteċipa  fil-ħajja  soċjali, kulturali, sportivi. Jekk l-Ewropa, u hawn niċċentraw aktar f’pajjiżna, trid isaħħaħ r-rabtiet soċjali tal-bniedem trid tħares u tipproteġi l-Ħadd.

Fl-Ewropa tallum, din l-istess Ewropa li għandha tkun mudell soċjali, hija ta’ eżempju għall-pajjiżi kollha ta’ kif għadna nirrispettaw il-Ħadd, l-istess uffiċjali u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u kull istituzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea ma jaħdmux il-Ħadd u mhux fil-ħsieb li fil-futur jaħdmu il-Ħadd. Dan huwa ta’ riflessjoni għall-Ewropa, bħala istituzjoni tirrispetta u tħares il-mistrieħ tal-Ħadd, u dan jawgura tajjeb lill-pajjiżi kollha tal-istess Ewropa biex huma jżommu ma’ dan il-mudell soċjali ewropew u jħarsu l-Hadd.

Għal ħafna Ewropej u mhux insara biss, il-Ħadd joffri opportunita’ ta’ pawsa biex dak li jkun jirrifletti ftit fuq mistoqsijiet fundamentali tal-ħajja: Jien min jien? Fejn sejjer b’ħajti? Liema miri rrid nilħaq fil-ħajja tiegħi? Il-bniedem għandu bżonn ta’ ħin li ma jistax jiġi kalkulat jew meqjus jew espress f’termini ekonomiċi.

L-Eurofound kienet għamlet studju dwar dawk li jaħdmu l-Ħadd u dawk li ma jaħdmux u sabet dawn ta’ l-ewwel huma aktar probabli li jieħdu s-sick leave u jfallu mix-xogħol.

Il-Ħadd huwa għażiż għall-Ewropa u għal Malta u aħna lkoll fl-obbligu li dan il-wirt kulturali u reliġjuż li għaddewlna missirijietna, infittxu dejjem li nikkultivawħ, kemm għal ġid tal-ħaddiem u anke għall-istess ġid tal-ekonomija tal-pajjiż.