Rev. P. Raymond Francalanza OSA inħatar bħala l-Kappillan il-ġdid tal-parroċċa ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta. Huwa ser jaqdi dan il-ministeru wara li l-Provinċja tal-Patrijiet Agostinjani iċċelebrat il-Kapitlu Provinċjali aktar kmieni din is-sena.

Rev. Dr. Raymond Francalanza OSA twieled fl-1965 fiż-Żejtun. Fl-1985 għamel in-novizzjat f’Tolentino (Italja) u fl-1988 għamel il-Professjoni Solenni tiegħu fi ħdan l-Ordni ta’ Santu Wistin. Fl-1990 kien ordnat saċerdot mill-E. T. Mons. Ġ. Mercieca, Arċisqof ta’ Malta. Huwa kompla l-istudji teoloġiċi tiegħu, fejn fl-1991 ħa l-Liċenzjat fit-Teoloġija bit-teżi “The Mystery of the Church and the writings of St Augustine”. Huwa kompla ir-riċerka fit-teoloġija u fl-2009 kiseb Dottorat bit-teżi “Sign and Signification – Networks of discernment in the Church”.

P. Raymond huwa attiv ħafna fl-Ordni Agostinjan u matul is-snin okkupa diversi karigi. Fl-1990 inħatar responsabbli mill-formazzjoni inizjali u l-vokazzjonijiet fil-Provinċja Agostinjana Maltija. Okkupa wkoll il-kariga ta’ Rettur tal-Kulleġġ ta’ Santu Wistin (Pietà) bejn is-snin 1994-2000. Fl-1996 inħatar membru tal-Kummissjoni Parlamentari għall-Edukazzjoni. Bejn is-snin 2002 u 2010 inħatar Kunsillier Provinċjali u serva diversi drabi bħala Vigarju Provinċjali. Fl-aħħar erba’ snin kien Pirjol tal-Komunità Agostinjana tal-Knisja Omm tal-Parir it-Tajjeb f’Paċeville.

Il-ħidma pastorali tiegħu għandha firxa wiesgħa u bosta ifittxu lil P. Raymond għad-direzzjoni spiritwali, b’mod partikolari koppji u żgħżagħ. Hu jaħdem ukoll fil-ministeru tal-irtiri, seminars ta’ formazzjoni u taħriġ fost ir-reliġjużi u l-lajċi.

Il-Komunità Agostinjana ilha preżenti fil-Belt Valletta sa mis-sena 1571. L-E.T. Mons. Mikiel Gonzi waqqaf il-parroċċa ta’ Santu Wistin fl-1968.