Fra Karmenu huwa late vocation. Twieled il-Furjana fit-12 ta’ Settembru 1962. Huwa armel; u għex u ħadem għal 23 sena mal-Posta l-Ingilterra. Wara li ħa ħsieb martu marida bil-kanċer, qatagħha li jinżel Malta. Minn dejjem kien bniedem li ħabb it-talb u, mġarrab kif kien, sab il-faraġ u l-enerġija biex jagħti sehemu f’ħajja tajba.
Issa ilu midħla tal-ħidma u l-ispiritwalità tal-patrijiet Karmelitani Tereżjani mis-sena 2007. Għamel għaxar xhur postulant fil-kunventi ta’ Ta’ Xbiex u Bormla. Għas-sena novizzjat intbagħt fil-provinċja Ġenoviża fil-kunvent ta’ Varazze, l-eqdem ‘deżaert’ tal-Ordni fl-Italja. Għal formazzjoni sakemm, jekk Alla jrid, jiġi ordnat saċerdot se jkun Ruma fit-Teresianum iżda għall-istudji se jkun reġistrat fil-Kulleġġ Ingliż, il-Beda College.
Nhar it-Tnejn, 13 ta’ Settembru, Fra Karmenu tal-Ispirtu s-Santu għamel l-ewwel professjoni tiegħu lil Alla taħt il-ħarsien tal-Verġni Mbierka fl-Ordni ta’ Tereża ta’ Ġesù f’idejn il-WR P. Provinċjal Manwel Schembri fil-knisja ta’ S. Tereża, Bormla. Qasmu l-ferħ tiegħu missieru, familjari oħra u għadd sabiħ fost ħutu reliġjużi.