Eċċellenza President ta’ Malta u Sinjura Abela,

Aħna llum qiegħdin niċċelebraw il-Festa tal-Indipendenza f’pajjiżna li seħħet fl-21 ta’ Settembru, 1964. Biss, il-Poplu Malti, immexxi mill-mexxejja politiċi tiegħu, ħass li jrid ikompli jibni fuq dan u għalhekk wasal biex aħna niċċelebraw ukoll bħala kontinwazzjoni ta’ dan, anki Jum ir-Repubblika fit-13 ta’ Diċembru u Jum il-Ħelsien fit-31 ta’ Marzu. F’dawn is-snin il-poplu mexa politikament biex dejjem iktar jikseb l-identita’ politika tiegħu.

Nixtieq li llum, waqt li aħna qegħdin niċċelebraw dawn l-avvenimenti fid-dawl tal-Fidi tagħna, nagħmel daqxejn ta’ riflessjoni spiritwali lill-poplu Malti. Kemm hu importanti li nagħmlu ukoll riflessjoni spiritwali fuq l-avvenimenti ta’ madwarna, li għaddejna u li ngħaddu minnhom. B’dan jiena nixtieq infisser li waqt li ngħixu l-avvenimenti storiċi fil-ħajja tagħna, narawhom u nikkomparawhom ma’ xi valuri fundamentali li huma l-qofol tal-ħajja soċjali u politka tagħna. Dan il-valur ewlieni huwa il-bniedem, kull bniedem.

Fil-formazzjoni spiritwali tagħna kienu jgħidulna li jekk ma timxix ‘il quddiem fl-ispirtu, inti mhux tibqa’ fejn tkun, iżda tmur lura. Jekk fil-ħajja personali tiegħu, il-bniedem ma jagħmilx riflessjoni fuq il-valuri fundamentali tiegħu, jibda jinduna li qiegħed dejjem iktar iħalli warajh dawn il-valuri. Dan għaliex ikun qed jikber dejjem iktar in-numru ta’ esperjenzi li jgħixhom mingħajr ma jirreferihom għall-valuri fundamentali tiegħu, sakemm jitbiegħed minnhom u jibda jitmexxa biss minn raġunamenti purament utilitarji.

Il-Papa Benedittu XVI fid-diskors li huwa għamel lir-Rappreżentanti tas-Soċjeta’ Ingliża f’Westminster Hall fis-17 ta’ Settembru, 2010 fakkar f’eżempju wieħed ta’ din il-firda: “Fejn hemm fin-nofs il-ħajjiet umani, iż-żmien huwa dejjem qasir: iżda d-dinja għadha kemm rat ir-riżorsi kbar li l-gvernijiet jistgħu jġibu iex isalvaw istituzzjonijiet finanzjarji meqjusin ‘kbar wisq biex ifallu’. Żgur li l-iżvilupp integrali uman tal-popli tad-dinja mhux inqas importanti: din hija intrapriża li tistħoqq l-attenzjoni kollha tad-dinja li hija verament ‘kbira wisq biex tfalli’”. Hija ndikazzjoni ta’ kif id-dinja politika u finanzjarja nqatgħet mill-valur fundamentali li hu l-bniedem, kull bniedem.

Il-mistoqsija li xtaqt nagħmel illum hija proprju din: fejn qiegħda ssir ir-riflessjoni jekk il-bniedem li kull ċivilta’ bdiet minnu, għadux verament iċ-ċentru ta’ din iċ-ċivilta’, jew jekk forzi oħrajn u kunsiderazzjonijiet oħrajn ħadulux postu? Ma nafx jekk tistax isir forma ta’ riflessjoni fejn is-soċjeta’ tagħna tirrifletti quddiem din is-sitwazzjoni politika u ekonomika, finanzjarja u soċjali biex naraw jekk dak li bdejna minnu, il-bniedem, kull bniedem, u d-dinjita’ personali tiegħu, huwiex jimxi mal-mixja l-oħra, teknoloġika, finanzjarja, ekonomika u politika. Dawk jimxu weħidhom għaliex hemm ħafna interessi, fosthom finanzjarji, li jmexxuhom. Iżda trid tkun deċiżjoni politika tas-soċjeta’ kollha tagħna li dan kollu jitqiegħed ukoll fil-mixja spiritwali tal-poplu u tal-awtoritajiet tagħha. Huwa ċert li dan mhux se jseħħ waħdu iżda jrid jiġu muri u promoss.

Jiena nixtieq nipproponi hawnhekk żewġ riflessjonijiet kristjani bħala istigazzjoni għar-riflessjoni tagħkom fuq is-soċjeta’ tagħna.

Vanġelu (Mt 9,9-13)

Fil-Vanġelu ta’ llum aħna rajna lil Ġesu’ jagħżel lil Mattew bħala wieħed mill-appostli tiegħu. Dan kien pass importanti min-naħa ta’ Ġesu’. Bl-għażla ta’ Mattew, li kien pubblikan, Ġesu’ ried imexxi lid-dixxipli tiegħu biex ineħħu l-preġudizzji kollha tagħhom u jibdew jagħarfu l-valur tal-bniedem fih innifsu, bħala xbieha ta’ Alla, iktar minn kull kunsiderazzjoni ekonomika, soċjali, reliġjuża. Sidna Ġesu’ Kristu mexxa bil-mod il-mod lid-dixxipli biex ikissru dawn il-preġudizzji għaliex ma setgħux jippridkaw u jgħixu l-Vanġelu bħalu jekk kienu se jibqgħu marbutin magħhom.

L-ewwel mill-preġudizzji li ried ineħħi kien dak li kellhom l-għonja fuq il-fqar. Hu stess ġie bħala bin il-Mastrudaxxa, u għażel sajjieda – minbarra Mattew – bħala dixxipli, u mbagħad appostli tiegħu. Huwa stess kien vittma ta’ dawn il-preġudizzji meta mar lura Nazaret u ma emmnuhx għaliex ‘Bin il-mastrudaxxa’: ”Mnejn ġieb dan l-għerf u din il-qawwa tal-għaġeb? Dan m’huwiex bin il-mastrudaxxa? Ommu m’hijiex dik li jisimha Marija, u ħutu Ġakbu u Ġużeppi u Xmun u Ġuda? U ħutu m’humiex kollha magħna? “(Mt 13,54-56).

Iżda Ġesu’ kien jaf li n-nies ta’ madwaru kellhom ukoll preġudizzji għal dawk li li huma kkunsidrati bħala “publikani u midinbin” (Mt 9,9-13). Huma wkoll kienu jħossuhom superjuri għal dawk li fl-għajnejn tan-nies kienu kkunsidrati bħala midinbin, anki għaliex id-dnub tagħhom kien magħruf. Fost dawn kien hemm il-publikani li għaliex kienu jiġbru it-taxxi għar-Rumani u oħrajn bħal Marija Maddalena. Ġesu’ wera d-dinjita’ tagħhom meta resaq lejhom, ħabbhom għaliex tahom il-messaġġ ta’ mħabba tiegħu u għażilhom biex jgħinuh fil-missjoni tiegħu.

Ġesu’ kien jaf ukoll li kien hemm preġudizzju kontra dak kollu li mhux ta’ nisel Lhudi, il-barranin. Għalhekk huwa kisser dan il-preġudizzju meta kellem u faħħar liċ-ċenturjun fuq il-fidi tiegħu (Mt 8,5-10) u lill-mara Siro-Feniċja (Mk 7,24 ss) meta talbitu jfejjaq lil bintha.

Anki l-komunita’ nisranija tal-ewwel żminijiet bdiet tkabbar il-preġudizzji tagħha kontra l-Fariżej, għaliex kien hemm bosta minnhom li ħaduha kontra Ġesu’. Ġesu’ riedhom ineħħu anki dan il-preġudizzju meta ħalla li jiġi midfun minn membri tas-Sanedrin – lil Nikodemu u lil Ġużeppi ta’ Aramitea (Ġw 19, 38-42). Wara, għażel lil Pawlu – “Jien Fariżew u bin il-Fariżej” -(Atti 23,6) u għamlu Appostlu tal-Ġnus.

Il-messaġġ kristjan ma jippermettix li l-kunsiderazzjoni fuq il-bniedem tibda minn ħaġa oħra ħlief il-valur intrinsiku tiegħu bħala bniedem.

Twettiq

Anki fil-Vanġelu ta’ llum Ġesu’ jagħtina ħjiel ta’ kif dan jista’ jsir: billi tibda minn dak li l-inqas tidher fih din id-dinjita’ ta’ bniedem. “It-tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma f’saħħithom iżda l-morda…għax mhux lill-ġusti ġejt insejjaħ, iżda lill-midinbin” (9, 12.13). Ir-realta’ turina li l-affarijiet kbar jafu jaħsbu għalihom infushom u faċli iż-żgħar jintesew. Huma l-affarijiet – u l-persuni żgħar – li jeħtiġilhom iktar għajnuna. U biex dan iseħħ, ir-riflessjoni soċjali trid tibda minnhom fil-bidu biex ikollhom post fir-riflessjoni totali tal-pajjiż. Ġesu’ ried jinvesti fihom għalhekk resaq ħafna lejhom għax kien kapaċi jara l-possibbiltajiet moħbijin fihom. Forsi din hija t-triq għalina lkoll biex il-bniedem, kull bniedem, jikseb id-dinjita’ tiegħu.

Jiena nipproponi li r-riflessjoni tagħna fid-dawl tal-Vanġelu ssir proprju fuq dawn il-mistoqsijiet. Liema huma dawk li qegħdin jitħallew jibqgħu lura minħabba dawk l-affarijiet li semma Ġesu’ fosthom il-preġudizzji li għadhom fostna llum? U xi rridu nbiddlu f’dawk li għandhom xi setgħa li jservu lill-oħrajn biex l-atteġġjament tagħna jkun jixbah lil dak ta’ Ġesu’?

Efesin (Ef 4, 1-7.11.13)

Fl-ewwel lezzjoni ta’ llum aħna kellna lil San Pawl li bħala dixxiplu tal-Mulej Ġesu’ qiegħed jurina ir-realta’ tat-triq ta’ min jagħżel il-valuri tal-Vanġelu. Qiegħed jitkellem bħala ‘priġunier tal-Mulej’. Wieħed irid ikun lest li jħallas prezz, kultant anki mis-soċjeta’ ta’ madwaru, biex jgħix dawn il-valuri. Huwa jħeġġeġ “biex timxu sewwa skont is-sejħa li biha kontu msejħin” (4,1). Hija r-ritorn għall-idejali tas-sejħa f’kull qasam – fil-Knisja, fil-politika, fil-professjoni, fix-xogħol – li jġagħluna nkunu fidili għal dawn il-valuri.

U San Pawl jitkellem fuq l-ikbar mixja li wieħed irid jagħmel biex jgħix dawn il-valuri: mhijiex il-mixja li ssir barra minnek, mal-oħrajn, u bil-kliem, iżda li ssir ġewwa fik biex l-estern ikun jirrifletti dak li hemm u li rawwimt ġewwa fik. Huwa jsemmi b’mod speċjali l-umilta’, li tfisser il-verita’, li tibda mill-valur fundamentali ta’ kull wieħed minna li hija d-dinjita’ li aħna lkoll maħluqin xbieha tal-Mulej. Il-kumplament – unuri, flus, poter, li jistgħu jwasslu anki għal suppervja – huma fraġli wisq biex inħalluhom ikunu il-kejl tal-valur tagħna u tal-oħrajn.

Il-ħlewwa, li permezz tagħha tagħraf li ġewwa fik għandek il-qawwa li tferrah u tagħmel l-oħrajn iktar bnedmin: tkun qed tmexxi id-direzzjoni tiegħek minn ġewwa fik għall-persuni li hemm quddiemek.

Is-sabar li permezz tiegħu tagħraf li d-differenza bejnek u bejn ħaddieħor – inqas sinjur, b’inqas talenti – huma okkażjoni biex tħalli lill-persuna l-oħra timxi ‘l quddiem billi tnaqqas ir-ritmu tiegħek ħalli tgħin lill-ieħor jersaq qribek.

Dan kollu jagħmel possibbli dak it-tagħlim li jagħti San Pawl lill-membri tal-Knisja f’Efesu, iżda li huwa l-qofol ta’ kull għajxien fis-soċjeta’: li “taħmlu u tħobbu ‘l xulxin. Ħabirku biex iżżommu spirtu wieħed bir-rabta tas-sliem” (4,2.3).

Konklużjoni

Fit-8 ta’ Settembru, jiena għidt li l-Knisja għandha ideali u tistenna lil dawk li jħossuhom ispirati minn Ġesu’ jaħdmu ħalli dawn l-ideajli jsiru realta’. L-iżvilupp uman u soċjali fis-soċjeta’ ma jiġix biss mill-istituzzjonijiet fihom infushom, iżda mill-persuni li jsawru dawn l-istituzzjonijiet. Inħeġġeġ lil kulħadd – membri tal-Knisja u l-bnedmin kollha ta’ rieda tajba – biex nibdew nitkellmu lkoll din il-lingwa li rajna fil-Kelma ta’ Alla llum.