Nhar l-Erbgħa, 22 ta’ Settembru, 2010, ġie inawgurat Ċentru Edukattiv sponsorjat mill-Fondazzjoni Voices fiċ-Ċentru Terapewiku tal-Caritas Malta f’San Blas.  B’hekk il-Caritas issa għandha Ċentru Edukattiv mgħammar bl-aktar faċilitajiet riċenti, u dan se jgħin biex jgħolli l-livell tal-edukazzjoni li tingħata lill-klijenti tal-Caritas bħala parti mill-programm tagħhom għar-riabilitazzjoni mill-użu tad-droga.  Iċ-Ċentru ser joffri wkoll titjib f’dak li huwa taħriġ tal-istaff tal-Caritas.

Iċ-Ċentru gie inawgurat miċ-Chairman tal-Fondazzjoni Voices s-Sur Antonello Gauci u mid-Direttur tal-Caritas Malta Mons. Victor Grech.

Il-Fondazzjoni Voices tagħti kunċerti popolari kull sentejn biex tiġbor fondi li jmorru biex jgħinu istituzzjonijiet tal-karità.  Għall-kunċert “Tell me Why” li sar fl-2008, u li kellu ż-żgħażagħ bħala t-tema tiegħu, ingħażlet il-proposta tal-Caritas Malta biex 50% tal-fondi miġbura permezz tal-kunċert imorru għaċ-Ċentru Edukattiv.  Dan għax l-idea ta’ dan il-proġett  kienet taqbel sew mat-tema tal-kunċert għal dik is-sena.

Il-Caritas Malta tagħmel programmi ta’ riabilitazzjoni għal persununi, l-aktar żgħażagħ, biex dawn jgħelbu l-addizzjoni għad-droga.  F’ambjent ħieles mid-droga u  l-periklu, il-programmi jgħinu lir-residenti jiskopru u japprezzaw il-valuri li permezz tagħhom ikunu jistgħu ibiddlu triqathom u jerġgħu isibu posthom fis-soċjetà bħala ċittadini responsabbli.

Parti mill-proċess ta’ riabilitazzjoni hija l-edukazzjoni, kemm fuq livell akkademiku kif ukoll fuq dak prattiku, biex ir-residenti jkunu jistgħu isibu, jesploraw u jqawwu l-potenzjal tagħhom.  Dan kien qiegħed isir permezz ta’ faċilitajiet, u tagħmir li kienu jippermettu r-riżorsi finanzjarji limitati tal-Caritas Malta.  Iċ-Ċentru Edukattiv sponsorjat mill-Voices ifisser titjib sinifikanti fil-parti edukattiva tal-programmi ta’ riabilitazzjoni li toffri l-Caritas Malta.

Is-Sur Gauci qal li l-Voices kienu japprezzaw għafna x-xogħol li tagħmel il-Caritas mar-residenti ta’ San Blas u fiċ-ċentri  l-ogħra tagħha għar-riabilitazzjoni mill-użu tad-droga.  Huwa qal li l-iżvilupp u t-tagħmir taċ-Ċentru kienet l-ewwel fażi tal-progett.   Fit-tieni fażi l-Voices ser jiffinanzjaw l-ispejjeż tal-għalliema fiċ-Ċentru għall-għames snin li gejjin.

Huwa qal li l-fondi migbura mill-kunċert li se jagħmlu l-Voices x-xahar id-diegħel  ser imorru biex jiffinazjaw progetti bgħal dan.  Id-dgħul mill-ewwel lejla tal-kunċert ser imorru għall-Malta Community Chest Fund.

Mons. Grech qal li ċ-Ċentru sar fejn qabel kien hemm id-dormitorju tar-residenti nisa f’San Blas.  Il-programm ta’ riabilitazzjoni għan-nisa issa qiegħek isir fiċ-ċentru tal-Caritas Birkirkara.  Huwa rringrazzja lis-Sur Gauci u lill-Fondazzjoni Voices tal-għotja tagħhom u talli jiddedikaw l-energiji tagħhom bgħala kor biex jgħinu lil nies fil-bżonn.  Huwa rringrazzja wkoll lill-membri tal-Caritas Malta u r-residenti li taw sehemhom għall-iżvilupp taċ-Ċentru Edukattiv.