Luke 11,47-54

Ħażin għalikom! Intom tibnu l-oqbra tal-profeti li qatlu missirijietkom, u b’hekk tagħtu xhieda ta’ kull ma għamlu missirijietkom u turu li taqblu magħhom, għax huma qatluhom u intom tibnulhom l-oqbra. Kien għalhekk li l-Għerf ta’ Alla qal, ‘Jien nibagħtilhom profeti u appostli, u huma joqtlu u jippersegwitaw lil xi wħud minnhom.’ U hekk dan in-nisel ikollu jagħti kont ta’ demm il-profeti kollha li nxtered sa mill-ħolqien tad-dinja, ibda mid-demm ta’ Abel sad-demm ta’ Żakkarija, li qerduh bejn l-altar u s-santwarju. Iva, ngħidilkom, dan in-nisel ikollu jagħti kont! Ħażin għalikom intom l-għorrief tal-Liġi! Intom ħtaftu l-muftieħ ta’ l-għerf, biex mbagħad intom stess ma dħaltux u żammejtu lura lil min ried jidħol?” Meta Ġesù ħareġ minn hemm, il-kittieba u l-Fariżej bdew irossuh kemm jifilħu b’mistoqsijiet fuq ħafna ħwejjeġ u jonsbuh biex jaraw jaqbdux xi ħaġa minn fommu.