Viżjoni ġdida għall-ħidma pastorali

L-aħħar Pjan Pastorali tal-Knisja f’Malta, li tnieda minn Mons. Arċisqof Pawlu Cremona, propju fis-sena 2009, toffri viżjoni fejn in-Nisrani jgħaddi minn tradizzjoni u konvenjenza għall-għażla ta’ fidi konxja u konvinta, f’kultura li kull ma tmur qegħda tinbidel. Huwa għalhekk li l-Knisja teħtieġ tkompli timpenja ruħha f’evanġelizazzjoni ġdida.

Huwa b’din il-viżjoni li l-Knisja f’Malta qed tfassal l-prijoritajiet pastorali tagħha. Dan qed iwassal lill-Knisja sabiex issaħħaħ l-infrastruttura tagħha b’persuni konvinti fil-fidi biex in-Nisrani jkun ta’ ħmira fis-soċjetà. Dan filwaqt li tkompli tkun ta’ servizz f’diversi oqsma soċjali.

Il-Knisja għandha bżonn mezzi finanzjarji biex tagħmel dan kollu. Il-fondi tal-Knisja huma l-għotja ġeneruża tal-insara Maltin. Din il-generożità tidher ukoll f’dawk kollha li volontarjament joffru t-talenti, il-professjonalità u l-viżjoni nisranija tagħhom billi jkunu ta’ servizz fid-diversi oqsma tal-ħidma pastorali tal-Knisja.

L-operat pastorali tal-Knisja huwa ħafna usa minn dak li qed jiġi msemmi f’dan ir-rapport għax qed inħallu barra il-ħidmiet ta’ bosta entitajiet oħra fil-Knisja, fosthom ir-reliġjużi, l-għaqdiet tal-lajċi u gruppi oħrajn. Dawn għandhom amministrazzjoni separata

Il-missjoni tal-Knisja f’Malta tiżvolġi f’dawn l-oqsma ewlenin:

– Formazzjoni Pastorali

Prijorità importanti hija l-formazzjoni tal-operaturi pastorali tal-Knisja. Dan wassal biex il-Knisja f’Malta tinvesti €154,000 għas-sena 2009 fil-Fondazzjoni għall-Istudji Teoloġiċi, fejn tipprepara akkademikament is-saċerdoti tagħha, u ssostni wkoll il-pagi ta’ wħud mill-lecturers fil-Fakultà tat-Teoloġija. L-istess Fakultà tat-Teoloġija qed tagħti kontribut utli fit-trawwim ta’ saċerdoti u lajċi nsara li jkunu kapaċi joffru ħidma pastorali ta’ kwalità. L-istess qed jagħmel l-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali li qed joffri s-servizz ta’ diversi korsijiet għal-lajċi nsara fejn kull sena jiggradwaw medja ta’ 165 persuna.

– Taqsima Pastorali

Matul l-2009, il-Knisja f’Malta investiet €530,000 f’operat pastorali li jwettqu fost oħrajn disa’ segretarjati u sittax-il kummissjoni li janimaw, jikkordinaw u jispiraw il-ħidma pastorali li ssir fl-Arċidjoċesi ta’ Malta. Dawn jieħdu ħsieb bosta aspetti tal-ħajja soċjali, mill-ħidma pastorali maż-żgħażagħ, fejn biex jingħataw prijorita’ inħarġu €43,000, għall-immigranti li jiġu fostna, fejn il-Knisja qed tipprovdi akkomodazzjoni xierqa lil 400 immigrant; mill-ħtieġa li nsiru konxji aktar tal-ħarsien tal-ambjent fejn matul is-sena intefqu €8,000, għall-attenzjoni li qed tingħata għat-tisħiħ tal-ħajja miżżewġa, kemm fil-preparazzjoni permezz tal-korsijiet ta’ Kana, kemm matul il-ħajja miżżewġa bil-konferenzi, seminars, laqgħat, irtiri li jsiru għalihom kif ukoll permezz ta’ sosteniment waqt mumenti ta’ prova u diffikultà b’nefqa ta’ €170,500.

– Anzjani, tfal u persuni b’diżabilita’

Il-Knisja f’Malta, biex tkompli toffri s-servizzi tagħha f’għajnuna speċjali lill-anzjani, tfal u persuni b’diżabilità, kompliet toħroġ sussidju ta’ €242,000 biex iżżomm miftuħin id-djar tagħha. Id-Dar tal-Providenza, tilfet €486,000 meta tqis id-differenza bejn dak li daħħlet u dak li ħarġet is-sena l-oħra.

– Tribunal Ekklezjastiku

Biex jitħaffef ix-xogħol li qed isir f’dan it-Tribunal inħass il-bżonn li jiżdiedu nies li joffru dan is-servizz. Dan ġab miegħu żieda fl-ispejjeż, inkluż dak professjonali. Għalhekk il-Fond Ċentrali qed joħroġ mill-fondi tiegħu spiża netta ta’ €505,000 biex iżomm l-operat tat-Tribunal Ekkleżjastiku għaddej. Din tirrifletti żieda ta’ 15% fuq l-2008.

– Mezzi ta’ Komunikazzjoni Soċjali

Aspett importanti għall-Knisja huwa dak li jkollha l-mezzi biex twassal il-messaġġ tagħha. Hija din il-prijorità li wasslitha tkompli talloka €351,000 biex iżżomm ħajjin radju RTK, it-TV Unit u l-Ġensillum li qalbet mill-verzjoni stampata ghall-verzjoni online.

– Saċerdoti

Is-saċerdoti jiddedikaw ħajjithom biex titwettaq il-missjoni pastorali tal-Knisja f’Malta, ħidma li żgur hija apprezzata ħafna mill-poplu Malti. Is-sosteniment tal-kleru isir permezz ta’ Fond li parti minnu jiġi sostnut mill-kontribuzzjonijiet tal-parroċċi li jkopru 70% tas-salarji tal-kappillani u l-viċijiet, waqt li l-bqija tas-salarji jinħarġu minn dhul iehor ta’ dan il-fond. Tajjeb li ngħidu li r-remunerazzjoni li jirċievu l-kappillani u l-viċijiet hija fl-iskala ta’ bejn it-tlettax u l-erbatax tal-pagi tal-Gvern. F’dawn l-aħħar snin, id-dħul tal-fond tal-kleru ma kienx qiegħed ikun biżżejjed biex ikopri s-salarji kollha tas-saċerdoti. Fl-2009 dan il-fond ħareġ b’telf ta’ €485,000 fejn qed jagħmlu tajjeb għalih fondi oħra mit-Taqsima Finanzi tal-Knisja.

– Servizz Pastorali fil-Parroċċi

Fl-Arċidjoċesi ta’ Malta għandna 70 parroċċa, 54 immexxijin mill-kleru djoċesan u 16 immexxijin mir-reliġjużi. Id-djoċesi hija responsabli mill-finanzi tal-parroċċi mmexxija mill-kleru djoċesan. Il-parroċċa hija l-ambjent li fih il-Knisja l-aktar li tinħass u fejn issir ħafna mill-ħidma pastorali tal-Knisja ma’ diversi kategoriji ta’ nies, bħalma huma t-tfal, iż-żgħażagħ, il-miżżewġin, l-anzjani, il-persuni b’diżabilita’, eċċ.

Għalhekk minn Jannar 2009, l-Arċisqof ta bidu għall-Viżta Pastorali li qed jagħmel fil-parroċċi kollha biex iħeġġeġ u janima lill-operaturi pastorali, saċerdoti, reliġjużi rġiel u nisa, membri ta’ għaqdiet reliġjużi, u lajċi nsara ħalli jkomplu jagħtu sehemhom fil-ħidma kbira li għandha l-Knisja li twassal l-imħabba ta’ Alla lill-persuni kollha li joqogħdu fit-territorju tal-parroċċi tagħna.

Naturalment, biex issostni l-ħidma kbira pastorali li ssir fil-parroċċi, bħalma huma l-liturġija, il-katekeżi, id-djakonija u l-bini tal-komunità, irid ikollok bosta operaturi pastorali lajċi li jridu jiġu ffurmati u mogħtija l-għodda biex jistgħu jwettqu s-servizzi tagħhom; irid ikollok l-ispazju ta’ fejn topera u allura l-bżonn ta’ knejjes, ċentri pastorali, u ċentri parrokkjali li jitolbu bosta spejjeż għall-bini tagħhom, għall-manutenzjoni tagħhom, ir-restawr tagħhom, u għall-infiq regolari li jeħtieġu. Irid ikollok il-mezzi kif twassal il-messaġġ u għalhekk tkun teħtieġ stampar, nies professjonali li joffru t-tagħlim, eċċ. Hawnhekk tajjeb li ngħidu li l-poplu Malti tant iħoss din il-ħidma li qed issir fostu, li l-akbar dħul li għandha l-Arċidjoċesi kull sena hija proprju mill-ġenerożità tan-nies fl-għotjiet li jsiru fil-ġbir u d-donazzjonijiet mill-parroċċi. Fil-fatt id-dħul għas-sena 2009 kien ta’ € 4,519,000. Dan kien ftit aktar mis-sena ta’ qabel, u ta’ dan il-Knisja hija ferm rikonoxxenti. Madanakollu, il-bilanċ favorevoli tal-parroċċi naqas b’52% meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.

Ħarsa ’l quddiem

Il-Knisja temmen li l-ħidmiet kollha li twettaq huma ta’ ġid għall-poplu Malti kollu, għalkemm hija konxja wkoll mill-fatt li ma tistax tinjora r-realtajiet u l-limitazzjonijiet finanzjarji preżenti.

Mir-rapport finanzjarju għall-2009, li jiġbor fih ’il fuq minn 110 entità differenti, jirriżulta li l-Knisja rreġistrat żbilanċ ta’ €870,000, u dan minkejja l-għotjiet mill-Istat lil diversi entitatjiet. L-iżbilanċ huwa dovut għal diversi fatturi, ewlenin fosthom iż-żieda ġenerali fl-ispejjeż, it-tnaqqis mill-interessi tal-investimenti bi dħul fiss u l-ispiża dejjem tiżdied għal xogħolijiet ta’ manutenzjoni u restawr tal-binjiet storiċi li huma l-patrimonju li ħallewna missirijietna b’ tant sagrifiċċji.

Biex il-Knisja tkompli twettaq il-missjoni tagħha f’diversi oqsma pastorali u soċjali kif tagħmel illum, jeħtieġ li l-Insara Maltin jagħrfu dawn ir-realtajiet u jimpenjaw ruħhom biex ikunu ta’ servizz lill-Knisja b’kull mod possibbli, inkluż dak finanzjarju.

L-għajnuna tagħkom

Nixtiequ nressqu dan ir-rapport għall-attenzjoni ta’ dawk li jħobbu lill-Knisja. Nixtiequ nisimgħu l-ideat, is-suġġerimenti u l-pariri tagħkom. Nixtiequ opinjonijiet ħerġin mill-imħabba lejn il-Knisja u lejn il-ħidma tagħha f’diversi oqsma pastorali u soċjali. Dawn jistgħu jintbgħatu fuq l-indirizz email: [email protected]

Agħfas hawn biex tniżżel ir-rapport sħiħ għall-2009.

Mons. Charles Cordina, Segretarju Pastorali;

Mons. Anton Portelli,  Segretarju Amministrattiv;

Mr. Robert Agius, Kontrollur Finanzjarju.

Agħfas fuq ir-ritratt biex tkabbar. Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinxtraw mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]