Il-Ħamis, 7 ta’ Ottubru, 2010, il-Kummissjoni Pastorali Dwar id-Dinja tax-Xogħol organizzat konferenza bit-tema ‘il-Ħadd: Ta’ Kulħadd?’

Meta kien qed jindirizza din il-konferenza, Monsinjur Anton Gouder, Pro-Vigarju Generali, qal li Alla bierek u qaddes is-seba’ jum. Alla ordna lill-bniedem biex jistrieħ u li ebda persuna ma tittħaddem f’jum il-Ħadd. Monsinjur Gouder qal li dan juri biċ-ċar l-aspett socjali tar-religjon tagħna, fejn Alla jpoġġi lill-bniedem u lid-dinjita’ tiegħu, kif ukoll il-bżonn tal-bniedem biex jistrieħ, fiċ-ċentru tas-soċjeta’.

Fid-diskors tiegħu Monsinjur Gouder spjega li dan ma jfissirx li l-Ħadd ma nagħmlu xejn, iżda għandu jkun jum li fih wieħed jirikonoxxi min ħalqu, jagħmel attivitajiet ta’ solidarjeta’, kif ukoll attivitajiet li jkomplu joħorġu l-kreattivita’ tal-individwu. Monsinjur Gouder saħaq li fil-ħajja tal-lum hemm bżonn naraw x’inhuma l-prijoritajiet tagħna, skont il-valuri taghna. Qal li għandu jkun il-bniedem l-ewwel u qabel kollox, u miegħu l-familja tiegħu.

Matul il-konferenza diversi kelliema ressqu l-punti tagħhom dwar dan is-suġġett, u jekk fil-ħajja li qed ngħixu llum hux possibbli inħallu x-xogħol barra mill-jum tal-Ħadd. Għal dan is-seminar attendew id-Direttur Ġenerali tal-Malta Employers Association, is-Sur Joe Farrugia, is-Segretarju Ġenerali tal-UHM, is-Sur Gejtu Vella, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, is-Sur Tony Zarb, u rapprezentanti mill-MUT u l-GRTU.

Ilkoll qablu li n-natura tax-xogħol ta’ wħud mill-ħaddiema ma tippermettix li ma jaħdmux il-Ħadd, u dan għax tinvolvi ċertu servizzi essenzjali fil-pajjiż, bħall-pulizija, suldati, tobba, ħaddiema f’lukandi u ristoranti eċċ. Iżda l-mistoqsija kruċjali hi – se nestendu kull tip ta’ xogħol bħala servizz li hemm bżonn isir il-Ħadd?

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Tony Zarb qal li llum għad hawn ħaddiema li mhux biss jkollhom jaħdmu l-Ħadd, iżda wkoll jaħdmu aktar minn tminn sigħat fil-ġurnata u mingħajr ħlas doppju.

Min-naħa tiegħu Gejtu Vella, Segretarju Ġenerali tal-UHM, qal li huwa essenzjali li jinstab bilanċ fl-aspetti ekonomiċi u soċjali. Gejtu Vella qal li jħoss li f’pajjiżna llum l-ekonomija hija pridominanti u qed ninsew l-aspett soċjali a skapitu tal-familja Maltija.

Fr William Bartolo, Chairman tal-Kummissjoni Pastorali dwar id-Dinja tax-Xogħol, qal li filwaqt li llum qed infakkru l-jum għal xogħol xieraq u diċenti, ftit huma dawk li qed jirrealizzaw li l-mistrieħ huwa essenzjali biex ix-xogħol ikun xieraq. Huwa appella lill-unions biex jħarsu dan l-aspett fil-ftehim kollettiv li jagħmlu f’isem il-ħaddiema.

Agħfas fuq ir-ritratt biex tkabbar. Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinxtraw mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]