Il-Ġimgħa, 8 t’Ottubru, 2010 saret il-Lejla tal-Voluntiera fejn żgħażagħ li qattgħu s-sajf fil-missjoni ġew flimkien biex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom. Waqt l-attività, li saret fil-kappella tal-Università, saru preżentazzjonijiet minn żgħażagħ li ħadmu mal-fqar fil-Kenya, żgħażagħ li organiżżaw btala avventuruża f’Wales għal persuni b’diżabilita u żgħażagħ li tellgħu summer camp għat-tfal mal-komunità ta’ Madre Teresa f’Bormla. Kien hemm ukoll testimonjanzi minn persuni li bbenefikaw minn proġetti ta’ voluntiera Maltin.

Din hija r-raba’ sena li qed tiġi organiżżata l-laqgħa fejn l-Arċisqof jilqa’ lura l-voluntiera żgħażagħ bl-esperjenzi tagħhom. Din id-darba, pero’, l-Arċisqof ma setgħax ikun preżenti għax kien indispost; minflok sar kollegament dirett permezz tat-telefon. Iż-żgħażagħ laqgħuh b’applaws spontanju b’apprezzament għall-isforz li għamel biex ikun magħhom. Min-naħa tiegħu, l-Arċisqof qal li jiddispjaċieh li tilef laqgħa li tant ikun qed jistenna.

L-Arċisqof faħħar il-ħidma volontarja taż-żgħażagħ u rringrazzjahom “f’isem il-Knisja u f’isem is-soċjetà”. Huwa tenna li l-entużjasmu u l-ferħ tagħhom huwa sinjal li d-dinja tinbena mhux minn affarijiet kbar iżda minn affarijiet żgħar. Iż-żgħażagħ irringrazzjaw lill-Arċisqof għall-kelmiet ta’ sostenn tiegħu u xewqulu fejqan ta’ malajr.

Din l-edizzjoni tar-Ritorn tal-Voluntiera ġiet ikkummissjonata minn KDŻ lill-membri tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija (MUSEUM). Is-serata kienet imżewqa b’mużika live, features, talb u ħin ta’ soċjaliżżazzjoni.

Agħfas fuq ir-ritratt biex tkabbar. Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinxtraw mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]