Wara li ktibna dwar id-dħul tal-liġi tad-divorzju f’Malta u peress li f’dak li ktibna kien hemm ħwejjeġ li dehru kontradittorji, aħna ltqajna biex niċċaraw l-idejat tagħna dwar il-kuxjenza, id-divorzju u dwar il-pozizzjonijiet li jistgħu jieħdu l-Insara quddiem il-proposta ta’ leġiżlazzjoni favur l-introduzzjoni tad-divorżju.

Aħna qbilna dwar dawn il-punti:

1. Kull ċittadin, Kattoliku jew mhux Kattoliku, li jkun mitlub jagħti l-ġudizzju tiegħu  jekk iridx jew le li tidhol din il-liġi għandu d-dritt u d-dmir li jimxi fuq il-kuxjenza tiegħu li trid tkun infurmata u ffurmata tajjeb u tkun skont dak li jitlob il-ġid komuni.

2.  Il-Kattolici għandhom jaħdmu bi sħiħ biex ikollhom viżjoni nisranija tal-familja u taż-żwieg u biex, skont it-tagħlim ta’ Ġesù Kristu u tal-Knisja, jagħtu xhieda ta’ dan it-twemmin kull fejn ikunu u jistinkaw biex  iwettquh fl-istrutturi kollha tas-soċjetà.

3. Kemm bħala ċittadini u kif ukoll bħala Kattoliċi, għandhom jagħmlu ħilithom kollha biex f’pajjizhom ikollhom żwiġijiet stabbli u dejjiema u familji f’saħħithom magħquda bl-imħabba u l-fedeltà għax dan hu  ta’ ġid kbir għas-soċjetà.

4. Id-divorzju għalina l-Kattoliċi huwa ħażin u jibqa’ ħażin anke jekk tidħol il-liġi tad-divorzju.

5. Id-deċiżjoni ta’ kull Kattoliku dwar il-leġiżlazzjoni favur id-divorzju biex tkun     deċiżjoni tajba u responsabbli trid tittieħed b’kuxjenza ffurmata u mdawwla mit-tagħlim ta’ Kristu li hu “t-Triq, il-Verità u l-Ħajja”.

6. Il-Kattoliku li ma jimpurtahx minn kuxjenza nfurmata u ffurmata u għall-kuntrarju jieħu deċizjoni skont  kif jidhirlu hu, mingħajr ma jaghti każ bis-serjeta` x’tgħid il-kelma t’Alla u x’tgħallem il-Knisja, imma biss skont ma jħoss, jaħseb jew jaqbillu – jekk mhux ukoll b’ħafna preġudizzji – għandu jkun jaf li mhux qed jagħmel dmiru sewwa bħala Kattoliku u ta’ dan hu responsabbli quddiem Alla u possibilment ikun qed jidneb.

7. Biex bħala Kattoliċi naslu għall-ġudizzju morali tajjeb dwar jekk irridux jew lé li tidħol il-liġi tad-divorzju rridu niffurmaw b’mod responsabbli l-kuxjenza u mbagħad niddeċiedu skont din il-kuxjenza.

Għalhekk, wara li jagħmel ħiltu kollha biex ikollu kuxjenza ffurmata fuq il-Kelma t’Alla u t-Tagħlim tal-Knisja, u waqt li jipprova bis-sincerità kollha jiskopri x’inhi l-verità sħiħa u x’inhu tassew il-ġid komuni għas-soċjetà, il-kattoliku

a)      jista’ jasal kemm għal deċiżjoni tajba , kif  ukoll jista’ jasal b’sinċerità sħiħa għal deċiżjoni li fiha nfisha tkun  żbaljata. Iżda hu x’inhu l-każ, wieħed huwa dejjem obbligat li jimxi u jiddeċiedi skont il-kuxjenza.

b)      jista’ wkoll jaghti l-każ li, minkejja li jkollu t-tagħrif kollu meħtieġ u jkun għamel ħiltu kollha biex ifittex il-verità sħiħa, ma jasalx  biex fil-kuxjenza tiegħu jkun persważ li m’għandux jivvota kontra l-legalizzazjoni favur id-divorzju. Dan ukoll għandu d-dritt u d-dmir li jiddeċiedi skont dak li tgħidlu l-kuxjenza.

c)      jista’ ukoll  jara li f’din il-kwistjoni qed jiġi iffaċċjat b’għażla bejn żewġ sitwazzjonijiet  li fihom infushom huma ta’ ħsara għall-ġid komuni. Huwa leġittimu li f’dan il-każ  ta’ konflitt wiehed jagħżel dak li jkun inqas ħażin wara li jkun sar talb, riflessjoni u tiftix sinċier fil-kuxjenza għall-verità sħiħa.

8. Din l-istqarrija, mbarra li sserraħ ras dawk kollha interessati li bejnietna u dwar it-tagħlim tal-Knisja m’hemm l-ebda differenza fuq dan is-suġġett,  hija  intenzjonata biex titfa’ dawl dwar ir-responsabbilità morali ta’ kull Malti u Maltija quddiem il-kuxjenza tagħhom u quddiem il-ġid komuni tas-soċjetà meta jiġu biex jieħdu pożizzjoni dwar il-proposta li d-divorzju jkun legali f’pajjiżna.

Rev Prof Emmanuel Agius, Dekan tal-Fakulta tat-Teologija

Fr Joe Borg

Fr Charlo’ Camilleri, O.Carm. Lecturer fil-Fakulta tat-Teologija

Mons Anton Gouder, Pro Vigarju Ġenerali

Fr Alfred Micallef s.j.

Fr Joe Mizzi, Director Cana Movement

Rev Prof Peter Serracino Inglott