Fis-sensila ta’ laqgħat li Monsinjur Arċisqof qed ikollu ma’ kategoriji differenti ta’ lajċi, nhar l-Erbgħa 13 ta’ Ottubru huwa kellu laqgħa mal-qwiebel. Bħal-laqgħat oħra preċedenti din kienet organizzata mis-Segretarjat għal-Lajċi u saret fil-Faculty of Health Sciences tal-Isptar Mater Dei.

Matul il-laqgħa, li għaliha attendew madwar 70 persuna, numru ta’ qwiebel ikkumentaw kemm dwar il-ġmiel u l-kobor ta’ dak li wħud iddiskrivewh bħala l-miraklu tal-ħajja li huma jassistu għaliħ kuljum. Tqajjmu wkoll diversi problemi ta’ natura etika li dawn il-professjonisti spiss ikollhom iħabbtu wiċċhom magħhom.

L-Arċisqof Pawlu Cremona OP tkellem dwar l-importanza kbira tal-appoġġ li l-qwiebel jagħtu b’tant ħeġġa lill-ommijiet f’mumenti hekk importanti għalihom u kkummenta dwar kif it-twemmin u l-prinċipji Nsara li nħaddnu jistgħu jkunu ta’ gwida f’sitwazzjonijiet diffiċli u ta’ dubju li jinqalgħu minn żmien għal żmien.

Il-laqgħa tmexxiet minn Joe Farrugia, Delegat tal-Arċisqof għal-Lajċi u fiha ħadu sehem ukoll il-Prof Manwel Agius, Dekan tal-Fakultà tat-Teoloġija u Patri John Vella.

Agħfas fuq ir-ritratt biex tkabbar. Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinxtraw mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]