Nhar il-Ġimgħa, 5 ta’ Novembru, 2010, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. se jiċċelebra Quddiesa li matulha se jordna saċerdot lil Rev. Robert Galea. Il-funzjoni, li tibda fis-6:30 ta’ filgħaxija, se ssir fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġiljan. Kulħadd huwa mistieden biex jattendi u jitlob għall-qdusija tas-saċerdoti kollha, speċjalment għal Rev. Robert Galea li se jiġi ordnat saċerdot dakinhar.

Rev. Robert Galea li għandu 28 sena u li hu mill-parroċċa tal-Ibraġ beda l-istudju tiegħu fl-2003 fis-seminarju tal-Arċisqof hawn Malta. Fuq xewqa tiegħu stess, fl-2007 saret talba mill-Isqof Malti ta’ Sandhurst, Mons. Joe Grech, biex Robert ikompli l-istudji tiegħu fl-Awstralja, liema talba kienet ġiet milqugħa mill-Arċisqof Pawlu Cremona. Waqt il-formazzjoni tiegħu fis-seminarju ta’ Melbourne, Robert Galea kellu l-opportunita’ li juża t-talenti tal-kant u tal-muzika biex iwassal il-Bxara t-Tajba fl-Awstralja stess, deskritta minn Robert bħala art għatxana għall-Kelma ta’ Alla u wisq aktar għall-vokazzjonijiet. Fl-2008, hu kellu l-opportunita’ li jkanta quddiem il-Papa Benedittu XVI, quddiem udejnza ta’ nofs miljun ruħ, fil-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Sydney. Kien parti wkoll minn grupp ta’ kantanti żgħażagħ tal-mużika kontemporanja pop, li rrekordjaw il-kanzunetta uffiċjali tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ “Receive the Power”.

Illum il-ġurnata Robert huwa kantant u kittieb ta’ muzika Nisranija moderna magħruf internazzjonalment. Bir-recording tas-CDs “Divine Mercy Chaplet” f’ Lulju ta’ din is-sena, bl-album “What a Day” fl-2008 u permezz tal-ewwel album tiegħu fl-2006 “Closer”, Robert Galea jgħid li l-ikbar xewqa f’ħajtu hi li jressaq lill-bniedem lejn il-qalb ta’ Ġesu’. Jistqarr li għalkemm il-muzika tfisser ħafna għaliħ, l-ewwel u qabel kollox hu dixxiplu ta’ Kristu, djaknu u issa wkoll saċerdot ta’ Kristu.

Wara l-ordinazzjoni tiegħu, Fr. Robert Galea se jħalli Malta lejn l-Awstralja biex jaqdi l-ministeru saċedortali fid-djoċesi ta’ Sandhurst, ġewwa Victoria. Qabel iħalli Malta, Robert se jniedi l-aktar album riċenti tiegħu bl-isem “Reach Out”.