Il-Kummissjoni Kultura tal-Arċidjoċesi ta’ Malta flimkien mal-Kumitat Organizzativ għall-Festi Ċentinarji tal-Parroċċa ta’ Raħal Ġdid qegħdin iniedu t-tielet edizzjoni tal-Festival għall-Korijiet Parrokkjali. Da se jsir nhar l-Erbgħa 10, il-Ħamis 11 u l-Ġimgħa 12 ta’ Novembru. Din is-sena l-Festival se jinżamm fil-Knisja Parrokkjali ta’ Raħal Ġdid bħala parti mill-festi ċentinarji tal-Parroċċa.

F’din it-tielet edizzjoni se jipparteċipaw korijiet parrokkjali minn dawn l-ibliet u rħula: Gwardamanġa, Ħal Safi, Ħaż-Żabbar, Marsaxlokk, Mosta, Raħal Ġdid, San Bastjan, Ħal Qormi, San Ġiljan u Żurrieq.

Wara l-esperjenzi sbieħ tal-ewwel żewġ edizzjonijiet, dan il-festival huwa ħolqa ma’ oħrajn bl-iskop li tinbena tradizzjoni b’saħħitha ta’ kant korali sagru fil-gżejjer Maltin, bħalma diġa jgawdu tradizzjoni ta’ mijiet ta’ snin ħafna pajjiżi fl-Unjoni Ewropea. Il-Knisja Maltija flimkien mal-Knisja Universali tixtieq li jkollha ċelebrazzjonijiet liturġiċi solenni kif inhu xieraq, skont it-tradizzjoni tal-Knisja u d-dokumenti tal-Konċilju Vatikan II.

Dan il-festival huwa opportunita’ għad-Diretturi tal-Korijiet u kompożituri ta’ mużika sagra li jsemmgħu xogħlijiet stabbiliti bil-Malti, xogħlijiet li sirna nafu bihom f’dawn l-aħħar snin u oħrajn ġodda, imma strutturati skont ir-regoli taċ-Ċelebrazzjoni Liturġika.

Il-kumitat organizattiv jixtieq jirringrazzja lil dawn il-korijiet għall-kollaborazzjoni u l-parteċipazzjoni tagħhom, u jawguralhom iktar snin ta’ fejda għall-ġid tal-poplu t’Alla u tal-Knisja f’Malta.