KOMUNIKAT MILL-E.T. MONS. MARIO GRECH, ISQOF TA’ GĦAWDEX

Id-Djoċesi ta’ Għawdex tinsab f’luttu peress li llum, l-E.T, Mons. N. Cauchi, Isqof Emeritus, għamel il-passaġġ għal ħdan il-Missier etern. F’sens ta’ rispett filjali u bi gratiduni profonda lejn l-Isqof Cauchi li fl-episkopat tiegħu rawwimna fil-fidi fi Kristu, sawwarna bħala Knisja u akkumpanjana fit-tibdil soċjali li seħħ f’dawn l-aħħar 40 sena, insejjaħ lill-Knisja kollha biex toffri talb b’sufraġju tiegħu.

KOMUNIKAT TAL-ARĊIDJOCESI TA’ MALTA

L-Arċidjocesi ta’ Malta tingħaqad mad-Djoċesi ta’ Għawdex fis-sogħba għat-telfa ta’ l-Isqof Emeritus Nikol Cauchi li mar fid-dar tal-Missier kmieni dalgħodu. Nagħrfu l-ġid pastorali li wettaq għall-poplu ta’ Alla f’Għawdex u mit-tagħlim li huwa xandar gawdew bil-kbir il-Maltin u l-Għawdxin kollha. Għalhekk Monsinjur Arċisqof Pawlu Cremona O.P. jixtieq iwassal sentimenti ta’ fidi u sogħba lill-Monsinjur Isqof Mario Grech u lill-membri kollha tal-poplu ta’ Alla f’Għawdex, u fl-istess ħin jistieden lill-membri tal-kleru, reliġjuzi u lajċi f’Malta biex joffru talb b’suffraġju ta’ Monsinjur Isqof Cauchi.