Fl-okkażjoni tal-ewwel sena anniversarju miż-Żjara Pastorali f’Malta tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Benedittu XVI, ser tiġi organizzata Ċelebrazzjoni Ewkaristika fil-KonKatidral ta’ San Ġwann, nhar il-Ħadd 10 ta’ April, 2011, fis-6.00 pm. Din il-Quddiesa ta’ Ringrazzjament ser tiġi ċċelebrata mill-Arċisqof Pawlu Cremona OP, l-Isqfijiet Maltin u n-Nunzju Appostoliku Tommaso Caputo.

Iż-żjara tal-Papa Benedittu XVI f’Malta saret bejn is-17 u t-18 ta’ April, 2010, fl-okkażjoni tal-1950 anniversarju min-nawfraġju tal-Appostlu San Pawl.

Matul il-Quddiesa ser jintwera wkoll filmat ta’ ftit minuti li jiġbor fiħ l-qofol tal-attivitajiet tal-Papa f’Malta u siltiet mill-messaġġi li huwa wassal lill-poplu Malti.  Fl-aħħar tal-Quddiesa ser jinqara wkoll messaġġ li ser jintbagħat lill-Papa Benedittu XVI.

Il-pubbliku huwa mistieden u mħeġġeġ li jattendi.